01/05/2024
Il-Partit Popolari Jsejjaħ biex Tingħata Prijorità lill-Ħaddiem
Flimkien mal-bqija tas-soċjetà Maltija, il-Partit Popolari llum qiegħed jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, u jixtieq isellem u jirringrazzja lill-ħaddiema kollha Maltin, li fuq il-ħidma tagħhom huwa mibni pajjiżna.
Il-Partit Popolari josserva li l-qagħda tal-ħaddiema f’pajjiżna qatt ma kienet imwiegħra daqs kemm hi f’dan iż-żmien, minkejja t-tkabbir ekonomiku li ra pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-paga minima żdiedet biss b’madwar mitt ewro fix-xahar, minn madwar 700 ewro għal ftit aktar minn 800 ewro, u għadha fost l-aktar baxxi fl-Ewropa. Meta wieħed iqis l-inflazzjoni li f’dawn l-aħħar snin kienet għolja ħafna, dan ifisser li l-ħaddiem fuq paga minima ma gawda minn ebda żieda reali għal għaxar snin sħaħ. Aktar gravi minn hekk, ma jidher li qed isir l-ebda sforz serju mill-Gvern biex din il-paga minima tiġi infurzata, kemm fir-rigward tal-ħaddiema Maltin kif ukoll fir-rigward ta’ dawk barranin.
Għall-ħaddiema li jaqilgħu aktar mill-paga medja, is-sitwazzjoni wkoll ma marritx għall-aħjar. L-irduppjar tan-numru ta’ ħaddiema f’Malta minn madwar 150,000 għal madwar 300,000 matul l-aħħar għaxar snin ikkawża pressjoni qawwija ‘l isfel fuq il-pagi, tant li l-paga medja f’Malta ma żdiedet xejn matul l-aħħar tmien snin u llum hija saħansitra inqas minn dik ta’ xi wħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li kienu taħt reġim Komunista. Dan meta l-ispejjeż tal-ħajja, fosthom biex wieħed ikollu fejn joqgħod, żdiedu b’pass mgħaġġel u kostanti, u huma fost l-ogħla fl-Ewropa.
Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-partiti fil-Parlament li suppost qegħdin jipproteġu l-interessi tal-ħaddiem, inkluż dak li qabel kien isejjaħ lilu nnifsu l-partit tal-ħaddiema, huma ffinanzjati mill-employers, u b’mod partikolari minn dawk f’setturi li jibbenefikaw mill-pagi baxxi. Biex dawn il-partiti jkunu jistgħu jkomplu jisparpaljaw il-flus fil-media privata u l-kampanji elettorali estravaganti tagħhom, il-ħaddiem qiegħed iħallas il-prezz li jara l-interessi tiegħu injorati u l-livell tal-għajxien tiegħu jaqa’ minn sena għall-oħra.
Il-Partit Popolari jsejjaħ għal miżuri biex tittejjeb il-qagħda tal-ħaddiem. L-ewwel fosthom hija l-iffriżar tar-reklutaġġ ġdid ta’ ħaddiema barranin minbarra fis-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-anzjani. Flimkien ma’ dan, il-Partit Popolari jipproponi li minflok iż-żidiet kożmetiċi li qegħdin jingħataw s’issa fuq il-paga minima, li jkopru biss l-inflazzjoni għolja li għandna fil-preżent, jingħataw żidiet sostanzjali fuq perjodu ta’ snin biex l-ekonomija tinfatam mill-mudell ta’ tkabbir ekonomiku bbażat fuq il-pagi baxxi. Minfloku, nipproponu li jsir sforz akbar biex tinħoloq ekonomija ta’ valur miżjud għoli, permezz ta’ taħriġ akbar għall-ħaddiema, titjib tas-sistema edukattiva u investiment f’teknoloġiji avvanzati li joffru impjiegi li tassew jixirqu lill-ħaddiema tagħna.