Stqarrija 14-2021

14/11/2021

Il-Partit Popolari llum nieda l-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu, Ġenerazzjoni Malta, f’attività li nżammet il-Mosta, u li ġiet indirizzata mill-Kap tal-Partit, Paul Salomone, mill-President tal-Assemblea Ġenerali tal-Partit, Karmenu Borg, kif ukoll minn numru ta’ kandidati tal-Partit.

Il-Kap tal-Partit, Paul Salomone tkellem dwar l-istħarriġ dwar iż-żgħażagħ f’Malta, li sar minn Ernst & Young f’dawn l-aħħar ġimgħat, fejn instab li kważi 60% taż-żgħażagħ Maltin jixtiequ jitilqu mill-pajjiż. Huwa tkellem dwar ir-raġunijiet għaliex iż-żgħażagħ illum qegħdin jiffaċċjaw kundizzjonijiet impossibbli, fosthom il-pagi baxxi, iż-żieda qawwija fil-prezz tal-proprjetà, il-qerda totali tal-ambjent, iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, il-falliment tas-sistema edukattiva li m’għadhiex tħejji ż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jkunu produttivi f’ekonomija li tipprovdi għal ħtiġijiet reali u mhux waħda bbażata fuq il-frugħa, kif ukoll it-telf tal-kultura, l-identità u s-sens ta’ konnessjoni li jiffurmaw parti essenzjali mill-kwalità tal-ħajja. Huwa tkellem dwar il-fatt li diġà erġajna bdejna naraw livell għoli ta’ emigrazzjoni ta’ żgħażagħ minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra fl-Ewropa. Huwa qal li, għall-kuntrarju tal-partiti l-oħra li jridu jaljenaw liż-żgħażagħ bi proposti irrelevanti bħall-marijuana u l-abort, il-Partit Popolari għandu l-kuraġġ li jindirizza l-problemi nfushom, fejn oħrajn huwa ċar li ma jridu jibdlu xejn.

Waqt l-avveniment, tkellem ukoll is-Sur Karmenu Borg, il-President tal-Assemblea Ġenerali, li ddeskriva kif il-moviment taż-żgħażagħ tal-Partit twieled b’mod organiku u li kienu numru ta’ żgħażagħ stess li resqu lejn il-Partit għax għoġbuhom il-messaġġ u l-valuri tiegħu. Huwa żied li dawn huma żgħażagħ b’valuri sodi tradizzjonali u mħabba lejn pajjiżhom, u x-xewqa li jaqbżu għal min hu fil-bżonn. Huwa stieden ukoll lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jingħaqdu ma’ Ġenerazzjoni Malta biex jikkuntattjaw lill-Partit.

Tkellmu wkoll is-Sur Joseph Aquilina u s-Sur Clint Calleja, kandidati tal-Partit, li elaboraw dwar il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw iż-żgħażagħ f’pajjiżna, u l-konsegwenzi li dan se jkollu għall-futur ta’ pajjiżna u tal-familji Maltin.

Follow by Email
Facebook
Twitter