Stqarrija 13-2024

19/04/2024

Il-Partit Popolari Jikkundanna r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew Favur l-Abort

Il-Partit Popolari jikkundanna mingħajr riżervi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ nhar il-Ħamis li għadda li fiha l-Parlament Ewropew sejjaħ biex l-abort jiġi ddikjarat bħala dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Minbarra l-fatt li din il-kwistjoni bl-ebda mod ma taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, il-Partit Popolari jirrimarka fuq il-fatt li dan l-allegat dritt huwa negazzjoni tad-dritt ovvju tat-tarbija biex ma tisfax maqtula. Kif irrimarka l-Arċisqof Vincenzo Paglia, il-president tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, din ir-riżoluzzjoni hija eżempju tad-“dritt ta’ min hu aktar b’saħħtu”.

Il-Partit Popolari jinnota wkoll is-sejħa tal-Parlament Ewropew biex in-naħa li topponi l-abort tiġi eskluża mill-fondi kollha Ewropej. Il-Partit Popolari jfakkar li l-fondi tal-Unjoni Ewropea mhumiex fondi privati li wieħed jista’ jallokahom kif irid iżda flus meħuda mit-taxxi tal-poplu, li għandhom għalhekk jintużaw mingħajr aġenda politika jew ideoloġika. Din is-sejħa tikxef għalhekk l-istint totalitarju tal-gruppi tax-xellug li promwovew din ir-riżoluzzjoni, li għalihom l-Istat m’għandux ikun arbitru newtrali iżda jservi l-interessi ideoloġiċi xellugin.

Il-Partit Popolari jinnota li filwaqt li din ir-riżoluzzjoni tmexxiet ’il quddiem mill-gruppi tal-ħodor, is-soċjalisti u l-liberali flimkien mal-grupp tax-xellug estrem, kien hemm ukoll parti sostanzjali mill-MEPs tal-PPE li vvutaw favuriha. Il-Partit Popolari jistieden lill-Partit Nazzjonalista, li hu membru tal-PPE u li jgħid li huwa kontra l-abort, biex jirrifletti fuq il-kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni li jgħid li għandu dwar l-abort u l-partiti u MEPs barranin li jassoċja ruħu magħhom fil-Parlament Ewropew. Partit li tassew jopponi l-abort u jikkunsidrah bħala xejn inqas minn omiċidju, għandu jfittex li jkun parti minn partit Ewropew li oppona din ir-riżoluzzjoni b’saħħtu kollha minflok minn wieħed li opponiha b’nofs qalb, u li jinsab f’alleanza ma’ dawk li ppromwovewha.

Il-Partit Popolari jirrimarka wkoll b’dispjaċir ir-rwol ta’ MEPs individwali Maltin biex għaddiet din ir-riżoluzzjoni, fosthom l-MEP tal-Partit Laburista, Cyrus Engerer, li kien wieħed mill-promoturi ta’ din ir-riżoluzzjoni, u l-MEP Laburista Alfred Sant li kien l-uniku MEP Malti preżenti li ma vvutax kontriha. Jirrimarka wkoll li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola kompliet bil-politika tal-ambigwità dwar din il-kwistjoni, fejn tgħid li topponi l-abort f’Malta iżda tibqa’ siekta jew saħansitra tgħid bil-kontra fil-Parlament Ewropew.

Follow by Email
Facebook
Twitter