Stqarrija 13-2022

24/08/2022

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għal Kunsens Nazzjonali dwar is-Sigurtà

Il-Partit Popolari jiddeplora d-deterjorament tal-qagħda tas-sigurtà fiż-żoni tal-Ħamrun u l-Marsa, b’mod partikolari l-episodji vjolenti li seħħew matul il-ġimgħa li għaddiet.

Il-Partit Popolari jirreferi għall-proposta li saret minn partiti oħra li barranin li jinstabu ħatja ta’ reati f’pajjiżna jitkeċċew mit-territorju Malti. Filwaqt li jfakkar li din hija proposta li ilu jressaq il-Partit Popolari, jinnota bi tħassib li sa issa dawn il-partiti l-oħra ma speċifikawx li lesti jagħmlu dan ukoll fil-każ meta r-reati jitwettqu minn persuni li jkunu ngħataw ażil f’pajjiżna, bħalma jidher li kien il-każ fl-episodji vjolenti tat-18 ta’ Awwissu. Dan jagħti x’wieħed jifhem li mhumiex serji fil-proposta tagħhom, u li mhumiex lesti li jimmodifikaw l-impenji internazzjonali ta’ Malta fil-qasam tal-ażil biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Mingħajr din l-azzjoni preparatorja, kull tentattiv li jitkeċċew persuni li jkunu wettqu reati jitwaqqaf mill-qrati lokali u Ewropej.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn il-proposti ma jikkonċernawx każijiet iżolati, u fakkar li aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-ħabs tikkonsisti f’residenti barranin. Għalhekk huwa importanti ferm li l-partiti jkunu ċari ħafna dwar x’inhi tassew il-pożizzjoni tagħhom rigward it-tkeċċija ta’ nofs jew aktar tal-persuni misjuba ħatja b’reati serji f’pajjiżna. Dan jista’ jkollu impatt kbir ħafna fuq il-qagħda tas-sigurtà f’pajjiżna, b’mod partikolari f’żoni bħall-Marsa u l-Ħamrun.

Il-Partit Popolari jistieden lill-partiti l-oħra biex jingħaqdu miegħu f’kunsens nazzjonali dwar il-ħtieġa li s-sistema tal-ażil ma tibqax tiġi abbużata aktar, la biex isir dħul f’pajjiżna għal skopijiet ekonomiċi, u lanqas permezz tat-twettiq ta’ reati f’pajjiżna. Huwa jistieden lill-partiti kollha biex ipoġġu madwar l-istess mejda u jaslu għal sett ta’ proposti komuni li jistgħu jibdew jitwettqu immedjatament. Huwa jfakkar li ż-żewġ partiti l-kbar b’mod partikolari għandhom kontroll tas-siġġijiet kollha fil-Parlament u għalhekk ma jistgħux jaħarbu aktar mir-responsabbiltà tagħhom dwar din il-kwistjoni li issa ġiet aktar għall-attenzjoni tal-poplu. Huwa jinsisti li l-kwistjoni tas-sigurtà ma tistax tibqa’ ballun politiku, imma li trid tinstab soluzzjoni dejjiema li jista’ jaqbel magħha kulħadd.

Follow by Email
Facebook
Twitter