10/04/2024
Il-Partit Popolari Jesprimi t-Tħassib Tiegħu dwar l-Istaġnar tal-Pagi F’Malta
Il-Partit Popolari jirreferi bit-tħassib għall-aħħar ċifri ppubblikati mill-Eurostat li juru li l-pagi f’Malta ilhom staġnati għal dawn l-aħħar tmien snin, u li huma mhux biss l-aktar baxxi fl-Ewropa tal-Punent, iżda wkoll fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, inklużi pajjiżi li sa ġenerazzjoni ilu kienu taħt gvernijiet Komunisti. Dan fi żmien meta d-daqs tal-ekonomija kiber b’pass mgħaġġel, u fejn il-prezzijiet tal-proprjetà u ta’ bosta elementi essenzjali oħra tal-ħajja żdiedu b’mod drammatiku.
Il-Partit Popolari jemmen li l-istaġnar fil-pagi, li l-partit ilu sa mit-twaqqif tiegħu jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għalih, ma seħħx b’kumbinazzjoni jew sempliċiment minħabba inkompetenza tal-gvern, iżda b’riżultat ta’ politika apposta, li fittxet li żżomm il-pagi baxxi biex l-ekonomija tkun tista’ tikber b’pass aktar mgħaġġel. Minn dan it-tip ta’ tkabbir, iġġenerat fuq dahar il-ħaddiem, ibbenefikaw biss l-employers u kategoriji oħrajn bħas-sidien tal-proprjetajiet għall-kiri, li raw żieda kbira fid-dħul tagħhom.
Il-Partit Popolari jsejjaħ biex l-għan tal-politika ekonomika tal-gvern ma jibqax aktar it-tkabbir ekonomiku bla rażan, li mhuwiex sostenibbli, mhuwiex addattat għal pajjiżna u li mhuwa qiegħed iġib l-ebda benefiċċju għall-ħaddiema Maltin. Minflok, huwa jipproponi li l-enfasi tkun fuq iż-żieda fil-pagi, u fid-dħul taċ-ċittadin medju.
Il-Partit Popolari qiegħed itenni l-proposta tiegħu ta’ żieda sostanzjali ħafna iżda gradwali fil-paga minima, biex l-ekonomija li tiddependi fuq il-pagi baxxi tibda tiġi eliminata fuq perjodu ta’ ftit snin. Qiegħed itenni wkoll il-proposta tiegħu ta’ ffriżar ta’ reklutaġġ ġdid ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea, għajr fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-anzjani. Fl-istess waqt, nipproponu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-ħaddiem Malti ma jiġix sfurzat jikkompeti fis-suq tax-xogħol u tal-housing ma’ ħaddiema bla ktieb jew li huma lesti li jaċċettaw kundizzjonijiet ta’ housing mhux dinjitużi. Dan għandu jsir l-ewwel nett bl-infurzar strett tal-liġijiet eżistenti, iżda wkoll bl-introduzzjoni ta’ liġijiet aktar stretti, speċjalment fil-qasam tal-housing. Minkejja li saru xi tibdiliet f’dawn l-aħħar xhur biex jitrażżan in-numru ta’ persuni li jistgħu jgħixu fl-istess proprjetà għal mhux aktar minn tnejn f’kull kamra, dan in-numru għadu għoli wisq u xorta waħda mhuwiex kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem.