Stqarrija 12-2023

25/07/2023

Il-Partit Popolari Jisħaq fuq il-Kawżi Veri tal-Kriżi Infrastrutturali, Ambjentali u Soċjali f’Pajjiżna u Jipproponi Soluzzjonijiet

Filwaqt li jiddeplora l-falliment fil-qasam tal-infrastruttura, b’mod partikolari dak tal-enerġija, li qegħdin naraw f’dawn il-ġranet, il-Partit Popolari jisħaq fuq il-bżonn li f’pajjiżna jkollna dibattitu dwar il-kawżi ta’ din il-kriżi li għandha dimensjoni mhux biss infrastrutturali, iżda wkoll ambjentali u soċjali.

Il-Partit Popolari ilu mit-twaqqif tiegħu jisħaq li l-mudell ekonomiku bbażat fuq il-pagi baxxi mhuwiex sostenibbli għal pajjiżna, mhux l-anqas minħabba ċ-ċokon tiegħu. Minbarra l-istrapazz fuq l-infrastruttura, kemm dik tal-enerġija kif ukoll dik tat-trasport imma wkoll fil-qasam tal-kura tas-saħħa, rajna wkoll żvilupp bla rażan ta’ bini li kerrħet lil pajjiżna. Dan kollu biex gawdiet biss parti mill-popolazzjoni Maltija, filwaqt li l-ħaddiem ra s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu tiħżien, bi staġnar fil-pagi għal bosta snin, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi bħall-ikel u l-akkomodazzjoni splodew.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li nwaqqfu u nibdew inreġġgħu lura gradwalment dan il-mudell ekonomiku, u b’hekk noħolqu mill-ġdid l-ispazju għal ekonomija aħjar li tagħmel aktar sens għal pajjiżna, ibbażata fuq investiment intelliġenti u fuq żieda fil-valur miżjud minflok sempliċiment fin-numru ta’ ħaddiema.

Bħala bidu, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi l-iffriżar immedjat ta’ permessi għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda minn barra l-Unjoni Ewropea, ħlief għall-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-anzjani li hu tassew essenzjali, u għal numru relattivament żgħir ta’ ħaddiema b’ħiliet rari u avvanzati fil-qasam tat-teknoloġija.

Billi issa huwa ċar li l-ekonomija tal-volum u tal-pagi baxxi mhijiex addatata għal pajjiżna, nipproponu wkoll li setturi li jiddependu fuq il-ħaddiema barranin b’pagi baxxi biex jeżistu jibdew jitwarrbu u jitnaqqsu gradwalment billi tiġi miżjuda l-paga minima b’mod gradwali sabiex fi żmien għaxar snin dawn is-setturi jkunu jew spiċċaw minn pajjiżna jew naqsu drastikament. Dan joħloq inċentiv ukoll biex dawk li jibqgħu joperaw jinvestu iktar f’teknoloġiji li jżidu l-produttività tal-ħaddiema li jibqgħu impjegati f’dawn l-oqsma. Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li tiġi infurzata u msaħħa l-liġi fejn jidħol l-iffullar fl-akkomodazzjoni, fost l-oħrajn billi fi proprjetà ma jitħallewx jgħixu aktar minn tliet persuni li ma jkunux tal-istess familja u dan biss jekk il-post ikun kbir biżżejjed. Il-qagħda preżenti fejn ħaddiema barranin jgħixu ffullati f’appartamenti jew saħansitra f’garaxxijiet, u l-awtoritajiet jagħlqu għajn waħda biex ma jħarbtux in-negozju ta’ min iħaddimhom qiegħda twassal għal konsegwenzi gravi, mhux biss fuq il-pagi, imma wkoll fuq l-infrastruttura bażika ta’ pajjiżna.

Follow by Email
Facebook
Twitter