Stqarrija 12-2021

Il-Partit Popolari jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-95 persuna li aktar kmieni din il-ġimgħa fetħu kawża kontra l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-miżuri sproporzjonati li ttieħdu minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-pandemija tal-Covid-19.

Il-Partit jesprimi wkoll l-apprezzament u l-appoġġ tiegħu għall-gruppi Human Health Alliance (HHA) u Natural Health Community (NHC) li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra dawn il-miżuri sproporzjonati, fosthom l-impożizzjoni tal-obbligu ta’ kwarantina mad-dħul f’Malta għall-persuni residenti kollha mhux vaċċinati, u l-projbizzjoni tad-dħul fil-pajjiż għall-persuni mhux residenti kollha li mhumiex vaċċinati.

Bħal ma għamel diġà bosta drabi, il-Partit jappella lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jirrispettaw id-dritt tal-persuni li jiddeċiedu huma jekk jiħdux il-vaċċin, u li jneħħu kull miżura intenzjonata biex iġġiegħel persuni jieħdu l-vaċċin kontra r-rieda tagħhom.

Il-Partit Popolari jfakkar li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li impona l-obbligu ta’ kwarantina fuq persuni mhux vaċċinati li jidħlu fil-pajjiż, anki jekk jirriżultaw negattivi għall-marda.

Follow by Email
Facebook
Twitter