Stqarrija 10-2024

23/03/2024

Il-Kriżi taż-Żgħażagħ u tal-Familja f’Malta

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu għar-riżultati li wera l-World Happiness Report li għadu kif ħareġ fir-rigward taż-żgħażagħ Maltin, li skont dan l-istħarriġ, huma l-anqas kuntenti fl-Unjoni Ewropea u huma wkoll anqas kuntenti milli kienu f’edizzjonijiet preċedenti tal-istħarriġ.

Il-Partit Popolari jfakkar li studji oħra, fosthom l-EY Generate Survey 2022, urew li tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin jixtiequ jitilqu minn Malta, u dan l-aktar għal raġunijiet ekonomiċi u ta’ kwalità tal-ħajja.

Il-Partit Popolari jirrimarka wkoll li, minkejja li twettqu ġesti kożmetiċi fil-qasam tat-tisħiħ tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ, bħat-tnaqqis b’sentejn tal-età li fiha wieħed jista’ jivvota u jikkontesta l-elezzjonijiet, il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ mhumiex qegħdin jiġu indirizzati bl-ebda mod. Miżuri bħal-liberalizzazzjoni tal-użu ta’ ċerti drogi ma jidhrux li wasslu għal żieda fil-kuntentizza la taż-żgħażagħ u lanqas ta’ persuni akbar fl-età, li huma wkoll irreġistraw livelli baxxi ħafna ta’ kuntentizza.

Il-Partit Popolari jinnota li l-mudell ekonomiku li ġie implimentat matul dawn l-aħħar għaxar snin f’pajjiżna ma pprovdiex titjib sinifikanti fil-pagi, li żdiedu ferm anqas milli kibret l-ekonomija u ferm anqas milli żdiedu l-prezzijiet tal-proprjetà u l-livell tal-kera. B’riżultat ta’ dan sar diffiċli għaż-żgħażagħ Maltin jaffordjaw anki proprjetà żgħira, meta l-ġenituri tagħhom kienu jistgħu jaspiraw li jkollhom dar diċenti u jrabbu familja, ħafna drabi b’paga waħda.

Il-Partit Popolari jemmen li l-kriżi taż-żgħażagħ hija inseparabbli wkoll minn dik tal-familja Maltija, li wkoll qiegħda tikkrolla. Statistika oħra li wkoll ġiet ippubblikata mill-Eurostat f’dawn l-aħħar ġranet uriet li Malta għandha l-iktar rata baxxa ta’ wlied fl-Ewropa, u hija biss in-nofs ta’ dak li hu meħtieġ biex sempliċiment il-popolazzjoni tibqa’ stabbli. Il-kuntentizza taż-żgħażagħ u wkoll dik tal-bqija tal-popolazzjoni, tiddependi ħafna mill-familja, li ġiet imminata mhux biss mill-mudell ekonomiku iżda wkoll minn tentattivi li saru matul l-aħħar snin, sa mill-2011, biex suppost itejbu l-mudell tal-familja, li kien il-bażi tas-soċjetà Maltija għal sekli sħaħ.

Il-Partit Popolari jipproponi li minflok it-tkattir ta’ miżuri fiergħa u kontroproduttivi mmirati lejn iż-żgħażagħ, u maħsuba biex jagħtu sodisfazzjon immedjat u jinxtraw il-voti, jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsa iżda meħtieġa biex jitreġġa’ lura l-mudell ekonomiku li qiegħed iċaħħadhom mill-futur tagħhom u mill-opportunità li jkollhom familja. Fl-istess waqt, jipproponi wkoll li l-familja tradizzjonali terġa’ tingħata l-post tagħha fiċ-ċentru tal-politika soċjali.

Follow by Email
Facebook
Twitter