Stqarrija 10-2023

27/06/2023

Il-Partit Popolari jesprimi tħassib għall-Abbozz 28 dwar l-abort u jipproponi li jinbidel biex titneħħa kull ambigwità minnu

Il-Partit Popolari jinsab serjament imħasseb bl-aħħar proposta li saret mill-Gvern għat-tibdil tal-Kodiċi Kriminali ta’ Malta (Abbozz 28) li, għalkemm tippreżenta xi titjib fuq il-proposta oriġinali tal-Gvern, xorta waħda tħalli ambigwità dwar jekk kundizzjonijiet psikoloġiċi jew psikjatriċi jistgħux ikunu raġuni valida għat-terminazzjoni ta’ tqala, ħaġa li tkun tfisser li effettivament ikun daħal l-abort f’Malta. Dan aktar u aktar meta wieħed iqis li din il-liġi se tiġi applikata minn gvern li qiegħed ifittex kull opportunità possibbli biex idaħħal il-prattika tal-abort f’Malta, biex jallinja lil Malta man-norma f’pajjiżi barranin immexxija fuq prinċipji ‘liberali’ u ‘progressivi’.

Il-Partit Popolari jirrimarka li l-hekk-imsejħa salvagwardji li ddaħħlu f’din il-proposta huma ineffettivi sakemm ma jiġix iċċarat it-test innifsu. B’mod partikolari, għalkemm huwa titjib, ir-rekwiżit li tliet tobba speċjalisti jiffirmaw li l-intervent li jtemm it-tqala jkun meħtieġ ma jikkostitwix salvagwardja suffiċjenti fih innifsu billi dejjem jistgħu jinstabu tobba li jaqblu mal-abort jew li jkunu motivati minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

Il-Partit Popolari jistaqsi għaliex il-Gvern m’aċċettax mingħajr tibdil il-proposta li kienu għamlu tmenin akkademiku f’Novembru 2022 li kienet tnaqqas ħafna aktar l-ambigwità ta’ din il-liġi? Il-Partit Popolari jistaqsi x’motiv seta’ kellu l-Gvern biex iħalli kemm jista’ jkun ambigwità jekk, kif qiegħed jinsisti, huwa m’għandux il-ħsieb li juża din il-liġi biex jintroduċi bil-mod il-mod il-prattika tal-abort f’Malta?

Għalhekk, filwaqt li jinsisti li l-liġi kif inhi fil-preżent għandha tibqa’ billi diġà tħares il-ħajja tal-omm (kif għandu jkun) f’sitwazzjonijiet fejn dan ikun meħtieġ, il-Partit Popolari jipproponi li jekk għandha ssir emenda għall-Kodiċi Kriminali fir-rigward tal-abort din għandha għallinqas teskludi b’mod espliċitu li tiftaħ il-bieb għall-abort f’sitwazzjonijiet li ma jinvolvux periklu fiżiku immedjat għall-ħajja tal-omm. Biex jiġi limitat kemm jista’ jkun id-dannu, il-Partit Popolari qiegħed għalhekk jipproponi li l-abbozz jinbidel biex jaqra hekk:

Fil-Klawżola 2, l-artikolu 243B għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“Eċċezzjonijiet għall-artikoli 241(2) u 243 243B. Ma jkun twettaq l-ebda reat taħt is-sub-artikolu (2) tal-artikolu 241 jew l-artikolu 243 meta t-tmiem ta’ tqala jew ħsara lill-fetu tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun salvata l-ħajja u protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn komplikazzjoni medika ta’ natura fiżika li tkun tista tqiegħdilha ħajjitha f’riskju mmedjat jew saħħitha f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt:

B’ dan iżda illi eżenzjoni mir-responsabbilita’ kriminali bis-saħħa ta’ dan l-artikolu għandha tapplika biss jekk wara li jkunu kkonsidrati l-prattiċi mediċi kurrenti f’Malta xorta jkunu jissusistu ċirkostanzi ta’ neċessita’ li jiddettaw li jsir l-intervent mediku u jekk jitwettqu l kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn komplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħdilha ħajjitha f’riskju immedjat l-intervent mediku jsir meta fil-fehma raġjonevoli tat tabib li jwettaq l-intervent il-fetu ma jkunx laħaq iż-żmien ta’ vijabilita’;

jew

(b) fil-każ ta’ ntervent mediku li jsir minħabba komplikazzjoni medika li tqiegħed is-saħħa ta’ mara tqila f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt:

(i) illi fil-fehma raġjonevoli tat-tim mediku l-fetu ma jkunx laħaq iż-żmien ta’ vijabilita’ u ma jkunx jista’ jitwelled skont l-istandards tal-professjoni medika; u

(ii) illi l-intervent mediku jitwettaq biss wara li t-tim mediku jkun ikkonferma n-neċessita tal intervent; u

(iii) illi l-intervent mediku jitwettaq fi sptar liċenzjat li jkollu l-faċilitajiet neċessarji biex jitwettaq l-intervent mediku meħtieġ;

(ċ) Għall-għanijiet ta’ dan l-artikolu: “tim mediku” tfisser tliet tobba reġistrati bħala speċjalisti mal-Kunsill Mediku taħt l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa li tnejn minnhom ikunu ostetriċi jew ġinekologi, li wieħed minnhom ikun l-ostetriku li jwettaq l-intervent, u t-tielet tabib ikun speċjalista fil-kondizzjoni li minnha l-mara tqila tkun qiegħda tbati; “iż-żmien ta’ vijabilita’” tfisser dak il-punt matul tqala li fih il-fetu jkun kapaċi li jgħix barra mill-utru skont il-prattiċi mediċi kurrenti.”

Follow by Email
Facebook
Twitter