18/06/2021
Il-Partit Popolari jinnota bi tħassib l-aħbar li numru ta’ pajjiżi influwenti vvutaw fil-Financial Action Task Force (FATF) biex Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn l-iżviluppi se jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-ekonomija u l-istatus ta’ Malta, fost l-oħrajn fl-industrija tal-gaming u dik finanzjarja.
Fid-dawl tal-konsegwenzi possibbli għall-ħaddiema u l-familji Maltin, il-Partit Popolari jikkundanna t-tentattivi li qegħdin isiru mill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jagħmel ħsara lill-ekonomija ta’ pajjiżna bl-intervent tiegħu kontra l-interess ta’ Malta proprju meta pajjiżna jinsab iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni.
Fl-istess waqt, nesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħna mal-istrateġija ekonomika li ħaddnu gvernijiet immexxija kemm mill-PL kif ukoll mill-PN, li jippruvaw jiksbu tkabbir ekonomiku ta’ malajr ibbażat biss fuq setturi fraġli u li jistgħu jintilfu mil-lum għall-għada, bħalma huma dawk li bħalissa jinsabu mhedda minn din id-deċiżjoni possibbli tal-FATF.
Nemmnu li kien ikun ferm aħjar li kieku l-ekonomija ta’ pajjiżna nbniet fuq setturi aktar konkreti u sodi, li jiġġeneraw valur miżjud reali u għoli, permezz ta’ trawwim tal-innovazzjoni u tal-kisba ta’ ħiliet ta’ livell għoli mill-forza tax-xogħol Maltija.