Stqarrija 09-2024

16/03/2024

Il-Partit Popolari Jesprimi t-Tħassib Tiegħu dwar iż-Żieda fid-Dikjarazzjonijiet Favur l-Abort minn Esponenti Ewlenin tal-Partit Laburista

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu għall-vuċijiet dejjem aktar insistenti fil-Partit Laburista favur l-abort, wara li fl-aħħar ġranet żewġ esponenti ewlenin tiegħu għamlu dikjarazzjonijiet favur l-abort mingħajr reazzjoni mit-tmexxija tal-partit tagħhom.

Il-Partit Popolari jinsab imħasseb b’mod partikolari bid-diskors li għamel l-ex-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat nhar is-Sibt li għadda fil-Belt Valletta, fejn sejjaħ għal dak li huwa sejjaħlu d-dritt tal-mara fuq ġisimha, li huwa mod ieħor kif wieħed jirreferi għall-abort. Dan kien segwit minn sejħa mill-MEP tal-Partit Laburista Cyrus Engerer biex l-abort jiddaħħal fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk indirettament jiġi impost ukoll fuq pajjiżna.

Il-Partit Popolari jinnota li fiż-żewġ każijiet ma kien hemm l-ebda kundanna jew teħid ta’ distanza mill-Partit Laburista, li uffiċjalment għadu jgħid li jopponi d-dħul tal-abort f’Malta, minkejja li għamel tentattiv biex idaħħal l-abort matul l-aħħar xhur, u rnexxielu jibda jbexxaq il-bieb għad-dħul tal-abort f’Malta. Il-Partit Popolari jinnota wkoll is-silenzju tal-Partit Nazzjonalista, li huwa wkoll qiegħed isegwi lill-Partit Laburista fil-politika tal-ambigwità tiegħu dwar dan is-suġġett.

Il-Partit Popolari huwa mħasseb li kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-forzi soċjali li huwa l-kompitu tagħhom li jiġġieldu kontra l-introduzzjoni tal-abort bħalissa jinsabu passivi fuq din il-kwistjoni u qegħdin jippermettu li l-inizjattiva tittieħed biss mill-proponenti tal-abort, li s’issa għadhom minoranza fil-pajjiż. Jekk dawk li jopponu d-dħul tal-abort f’pajjiżna jitħallew mingħajr tmexxija u ma jiġux mobilizzati, it-tentattivi ta’ dawk li huma favur l-abort se jwasslu biex l-abort jiġi normalizzat f’pajjiżna tant li d-dħul tiegħu mbagħad issir xi ħaġa naturali.

Il-Partit Popolari jsejjaħ biex il-forzi kollha li jopponu d-dħul tal-abort f’Malta jkunu lesti biex jiffurmaw front komuni, u jiddikjara li huwa lest li jaħdem flimkien ma’ kull min hu ta’ rieda tajba fl-interess tal-aktar dritt fundamentali, li hu dak tal-ħajja.

Follow by Email
Facebook
Twitter