09/03/2024
Il-Partit Popolari Jsejjaħ biex Jintgħażel President li Jgħaqqad lill-Maltin u Jiddefendi l-Valuri Tagħhom
Il-Partit Popolari qiegħed isejjaħ biex għall-kariga ta’ president tar-Repubblika, li l-funzjoni tagħha hija li tgħaqqad lill-Maltin, tingħażel persuna li tkun tirrappreżenta l-valuri tal-Maltin kollha, u mhux biss il-valuri hekk-imsejħa progressivi li huma popolari fost il-klassi politika u fost gruppi oħrajn privileġġati li l-istatus tagħhom jipproteġihom mill-effetti tal-valuri mnawra li jħaddnu u jippromwovu.
Il-Partit Popolari jinsab imħasseb dwar l-insistenza tal-Prim Ministru li l-president il-ġdid irid ikun wieħed ‘progressiv’. Għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid il-Prim Ministru, mhuwiex minnu li l-poplu Malti fl-aħħar elezzjoni ta mandat politiku għal politika progressiva, tant li minħabba pressjoni pubblika dan il-gvern stess kellu jirtira parzjalment minn proġetti progressivi li kellu, bħal dawk li jdaħħal l-abort b’mod sħiħ, u minflok għamel kompromess.
Il-Partit Popolari jemmen li wasal iż-żmien li l-president ta’ Malta ma jibqax jintgħażel f’diskussjonijiet fil-magħluq bejn il-kapijiet tal-partiti iżda għandu jintgħażel miċ-ċittadini stess f’elezzjoni. Il-Partit Popolari jemmen ukoll li wasal iż-żmien li jiżdiedu wkoll is-setgħat kostituzzjonali tal-president, u li dan isir l-ogħla rappreżentant ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali. Nipproponu li l-President jingħata s-setgħa tal-veto fuq ir-ratifika tat-trattati internazzjonali u jkollu wkoll is-setgħa tal-veto fuq il-ħatriet tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, tal-Ambaxxaturi u tal-Kap tal-Forzi Armati, kif ukoll veto fuq il-voti ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Nemmnu li għandu wkoll jirrappreżenta lil Malta direttament f’laqgħat internazzjonali u Ewropej ta’ kapijiet ta’ stat u gvern.
Il-Partit Popolari jemmen li wasal iż-żmien li din il-kariga tingħata d-dinjità tagħha u li pajjiżna jkollu figura ’l fuq mill-politika ta’ kuljum, li tgħaqqdu u li tkun il-vuċi tiegħu fid-dinja.