11/03/2021
Il-Partit Popolari jistqarr li huwa ferm diżappuntat bl-abbozz li ġie ddikjarat rebbieħ għall-monument propost għall-mibki Profs Oliver Friggieri. Nemmnu li kompetizzjoni għal monument pubbliku importanti bħal dan ma kellhiex issir daqshekk bl-għaġla u b’mod ftit li xejn trasparenti, u mingħajr involviment tal-pubbliku. Ladarba seħħet, nemmnu li jekk l-ebda wieħed mid-disinni ma’ kien ta’ standard li jagħti ġieħ lill-ħajja u l-kisbiet ta’ dan il-bniedem kbir, allura l-ġurija jmissha m’għażlet l-ebda wieħed minnhom u reġgħet nidiet kompetizzjoni oħra.
Nemmnu li monument għandu tlett skopijiet ewlenin: li jonora s-suġġett tiegħu, li jsebbaħ l-ambjent fejn jitqiegħed u li jiġbed rispett u sens ta’ ammirazzjoni minn kulmin jarah. Il-monument propost għall-Profs Friggieri ma jaqdi l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet u allura nemmnu li m’għandux iseħħ, qabel ma jingħażel wieħed denju.
Il-Partit Popolari jemmen bis-sħiħ fil-valur tas-sbuħija u jemmen li s-sbuħija mhix xi ħaġa suġġettiva iżda oġġettiva, jiġifieri għandha kwalità intrinsika u ma tiddependix fuq l-interpretazzjoni ta’ dak jew l-ieħor. Nirrifjutaw l-iskuża li ta’ spiss tinġieb biex tiġġustifika l-kruha ta’ xogħlijiet li qed jiġu imposti fuqna li wieħed b’xi mod irid ikun ‘jifhem’ biex japprezzahom – mhux biss għax hija viżjoni arroganti u elitista, iżda wkoll għaliex m’hijiex appoġġata mill-fatti. Ħadd ma jgħid li l-berġa ta’ Kastilja, li t-Teatru Rjal l-oriġinali, li x-xogħlijiet tal-Caravaggio jew ta’ Gafà huma koroh, u m’hemmx għalfejn tkun ‘tifhem’ biex tara s-sbuħija tagħhom għax hija evidenti. Daqstant ieħor, m’hemmx għalfejn tkun ‘tifhem’ biex tirrimarka l-kruha tal-bini tal-waħx li tiela’ kullimkien, dejjem bil-barka tal-hekk imsejħa Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Partit Popolari huwa impenjat li jippromwovi s-sbuħija fil-qasam pubbliku, edukattiv u kulturali ta’ pajjiżna għax l-isbuħija televa l-ispirtu tal-bniedem mentri l-kruha u l-medjokrità toqtlu u għalhekk fost il-proposti tiegħu ħa jkun hemm dik li l-estetika għandha tingħata l-importanza li jistħoqqilha f’kull xogħol li jniedi jew japprova l-gvern.