Stqarrija 07-2023

15/05/2023

Il-Partit Popolari Jippreżenta Aktar Proposti għat-Tisħiħ tal-Familja

Flimkien ma’ dawk kollha li jemmnu fil-familja madwar id-dinja, il-Partit Popolari llum qiegħed ifakkar il-Jum Internazzjonali tal-Familja u l-bidu ta’ ġimgħa ddedikata għad-diskussjoni tal-ħtiġijiet tal-familja f’Malta u tas-soluzzjonijiet meħtieġa biex iwiżnuha.

Il-familja f’Malta tinsab fl-aktar qagħda mwiegħra fost il-pajjiżi Ewropej kollha, kemm fejn tidħol il-formazzjoni ta’ familji ġodda, li qiegħda tonqos b’rata mgħaġġla minn sena għall-oħra, kif ukoll fejn tidħol ir-rata ta’ twelid ta’ tfal, li hija l-iżgħar waħda fl-Ewropa u biss nofs dik meħtieġa biex ikollna popolazzjoni stabbli, u fatturi materjali ta’ importanza essenzjali bħal-livell ta’ dħul tal-ġenituri u l-possibiltà li familja tkun tista’ tkun sid ta’ darha.

Il-Partit Popolari jinnota kif pajjiżi bħall-Ungerija rnexxielhom jibdew ireġġgħu lura t-tnaqqis fir-rata tat-twelid permezz ta’ miżuri favur il-familja bħal tnaqqis jew eliminazzjoni tat-taxxa tad-dħul għall-ommijiet abbażi tan-numru ta’ wlied u għajnuna sostanzjali għall-familji bit-tfal biex jixtru d-dar tagħhom.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi sensiela ta’ miżuri maħsuba biex isaħħu l-qagħda ekonomika tal-familja, fosthom li tingħata għajnuna sostanzjali lill-familji bit-tfal biex jixtru dar, tax breaks għal familji bit-tfal, paga minima lill-ommijiet li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal u appoġġ lil dawn l-ommijiet biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew il-karrieri tagħhom b’suċċess. Qiegħed jipproponi wkoll appoġġ finanzjarju ferm akbar għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fi ħdan il-familja.

Hija wkoll il-fehma tal-Partit Popolari li s-sistema tal-għajnuna soċjali għandha minn tal-inqas tieqaf toffri inċentivi biex ġenituri waħedhom ma jiffurmawx familja b’żewġ ġenituri.

Għall-kuntrarju tal-partiti l-oħra, il-Partit Popolari impenja ruħu sa mill-bidu biex ineħħi l-inġustizzji li jeżistu fil-liġi Maltija fil-preżent fil-konfront tal-missirijiet, ukoll sabiex dan ma jkomplix iservi ta’ diżinċentiv biex persuni jiffurmaw familja.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li mhux biss iwaqqaf l-attakki fuq il-familja tradizzjonali li qegħdin iseħħu fis-sistema edukattiva pubblika, iżda li jagħti lura lill-ġenituri l-kontroll fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom, l-ewwelnett billi jagħmel il-homeschooling għażla realistika, u wkoll billi jintroduċi sistema ta’ vouchers għall-edukazzjoni, biex il-ġenituri jkollhom libertà akbar fl-għażla tal-iskola ta’ wliedhom.

Il-Partit Popolari jemmen li l-familja mhijiex biss ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà u għall-pajjiż iżda tikkontribwixxi wkoll għall-benesseri tal-individwi nfushom. Għalhekk, is-slogan tal-Ġimgħa Familja tal-Partit Popolari ta’ din is-sena se jkun “l-akbar ġid tal-bniedem!”.

Il-Partit Popolari jħabbar li matul din il-ġimgħa se jkun qiegħed iressaq proposti oħrajn maħsuba għat-titjib tal-qagħda tal-familji f’pajjiżna, flimkien ma’ diskussjonijiet li fihom se jkunu involuti l-Kap tal-partit u kelliema oħra tal-partit, flimkien ma’ personalitajiet politiċi lil hinn mill-partit.

Follow by Email
Facebook
Twitter