Stqarrija 06-2023

09/05/2023

Il-Partit Popolari Jipproponi Bidla Sħiħa fil-Politika Ewropea ta’ Pajjiżna

Il-Partit Popolari jieħu l-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa biex jipproponi bidla sħiħa fl-approċċ ta’ Malta lejn l-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari jemmen li gvernijiet Maltin għandhom jieqfu jorbtu jdejhom stess u jdejn gvernijiet Maltin ta’ warajhom billi japprovaw leġiżlazzjoni tal-UE mingħajr ma jikkonsultaw lill-Parlament Malti f’kull każ fejn ikunu qed jiġu imposti obbligi ġodda fuq pajjiżna, u jivvotaw kontra l-leġiżlazzjoni jekk ma jkunx hemm appoġġ ta’ mill-anqas żewġ terzi tal-Kamra għaliha.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li, bħala mira aktar fit-tul, gvernijiet Maltin jaħdmu biex Malta tkun tista’ tikseb l-opt-outs li bħalissa jgawdu stati membri bħad-Danimarka u l-Irlanda, b’mod partikolari fil-qasam tal-affarijiet interni li, kif jindika b’mod ċar isimhom, mhumiex qasam li għandha tidħol fih l-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari jipproponi li fl-istituzzjonijiet Ewropej, Malta tinsisti fuq il-ħarsien tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li huwa mnaqqax fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea iżda li qed jiġi rrispettat biss b’mod nominali u mhux fis-sustanza. Malta għandha tivvota kontra kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda materji li mhumiex ta’ interess Ewropew ġenerali iżda li jikkonċernaw biss lill-pajjiżi membri individwalment.

Fejn jidħlu l-fondi Ewropej, il-Partit Popolari jipproponi li għandhom jiġu approvati biss mill-gvern Malti proġetti li huma tassew fl-interess nazzjonali. Għandu jitwaqqaf kull użu tal-fondi Ewropej biex jiġu appoġġati NGOs politiċizzati u proġetti oħra li ma jgawdux il-kunsens tal-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Maltin. Il-Partit Popolari jemmen li l-fondi Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar il-biċċa l-kbira minnhom ġejjin mingħand il-kontribwenti fiskali Maltin, għandhom imorru għall-prijoritajiet nazzjonali.

Il-Partit Popolari jieħu wkoll din l-okkażjoni biex jistieden lill-partiti kollha Maltin sabiex iqiegħdu fl-ewwel post l-interessi taċ-ċittadini li huma jirrappreżentaw u għalhekk ifittxu li jirrappreżentaw lil Malta fl-Ewropa u mhux aktar lill-Ewropa f’Malta, kif sfortunatament qegħdin jagħmlu l-biċċa l-kbira minnhom bħalissa.

Follow by Email
Facebook
Twitter