Stqarrija 06-2021

03/03/2021

Il-Partit Popolari jikkundanna d-deċiżjoni tal-PL u l-PN li flimkien, u mingħajr mandat tal-poplu, jibdlu r-riżultat tar-referendum tal-2011 dwar il-liġi tad-divorzju, u jkomplu jdgħajfu l-ftit saħħa li għad fadallu ż-żwieġ fil-liġi Maltija.

Il-Partit Popolari ma jistax ma jirrimarkax dwar l-assurdità partikolari tal-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li wara li oppona l-liġi dwar id-divorzju għax qiesha bħala ta’ ħsara għas-soċjetà u għall-familja, illum qiegħed jagħmel lilu nnifsu kompliċi biex jagħmel din il-liġi saħansitra iktar permissiva u jxejjen il-ftit li baqa’ minn istituzzjoni tant essenzjali għas-saħħa tas-soċjetà kollha. Dan jagħti ħjiel ta’ x’livell ta’ konsistenza wieħed jista’ jistenna mingħand il-Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista, li jidher ċar li f’kull okkażjoni jgħid dak li hu konvenjenti fil-mument, mingħjar ma juri l-ebda sinjali li jħaddan xi twemmin politiku sod.

Għall-kuntrarju, il-Partit Popolari huwa sod fit-twemmin tiegħu kemm fid-demokrazija diretta, u għalhekk fl-importanza tar-referendum bħala għodda tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll fil-familja, li nqisuha bħala l-bażi ewlenija tas-soċjetà. Għalhekk, qegħdin nipproponu r-rispett sħiħ tad-deċiżjoni meħuda mill-poplu fir-referendum tal-2011. Nemmnu li l-uniku mod kif jinbidel riżultat ta’ referendum għandu jkun referendum ieħor, li jsir biss wara intervall xieraq ta’ mill-inqas 15-20 sena. F’każ ta’ referendum bħal dan fil-futur, nemmnu li għandu jkun hemm l-għażla mhux biss tat-tnaqqis tal-perjodu ta’ stennija qabel id-divorzju imma wkoll dik taż-żieda tiegħu.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li terġa’ tiddaħħal l-għażla taż-żwieġ indissolubbli għal koppji li volontarjament jippreferu din l-għażla fuq iż-żwieġ standard taħt il-liġi Maltija. Nemmnu li koppji li jixtiequ juru impenn ikbar lejn xulxin għandhom ikollhom il-possibilità li jagħmlu dan, filwaqt li oħrajn li jippreferu żwieġ li jista’ jinħall permezz tad-divorzju jkomplu huma wkoll ikollhom il-possibilità li jagħmlu dik l-għażla.

Follow by Email
Facebook
Twitter