Stqarrija 05-2021

02/03/2021

Il-Partit Popolari jappoġġa l-isforzi li jinsabu għaddejjin f’dawn l-aħħar xhur fil-gżira ta’ Għawdex mill-awtoritajiet lokali u mis-soċjetà ċivili biex deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp ma jkomplux jittieħdu aktar b’mod ċentralizzat u jingħataw f’idejn l-awtoritajiet lokali, li huma ferm aktar qrib taċ-ċittadin. Ninnutaw b’dispjaċir l-iżvilupp bla rażan li qed jirriżulta mill-kontroll ċentralizzat tal-politika tal-iżvilupp fil-gżira ta’ Għawdex, imma wkoll fil-bqija ta’ pajjiżna.

Nemmnu li d-devoluzzjoni tal-politika tal-iżvilupp għandha sseħħ mhux biss f’Għawdex, imma wkoll fil-livell reġjonali fil-bqija tat-territorju Malti. Bħalma għamilna fil-passat, ninsistu wkoll li dawn il-poteri m’għandhomx jitgawdew biss bħala konċessjoni mill-gvern imma li għandhom ikunu mnaqqxa fil-Kostituzzjoni, flimkien ma’ setgħat estensivi oħra għall-awtoritajiet reġjonali u lokali. Nemmnu bil-qawwa fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-aktar livell qrib taċ-ċittadin, u jittieħdu b’mod ċentralizzat biss meta ma jistax isir mod ieħor.

Il-Partit Popolari jemmen li l-problema tal-iżvilupp eċċessiv trid tissolva wkoll billi jitrażżan it-tkabbir eċċessiv tal-popolazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq ic-cheap labour, kemm jekk b’abbuż tas-sistema tal-ażil, kif ukoll jekk bi ħruġ ta’ permessi tax-xogħol bla rażan min-naħa tal-gvern. Irridu li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun hemm biex isservi liċ-ċittadin Malti u mhux li tkun għan fih innifsu.

Follow by Email
Facebook
Twitter