Stqarrija 04-2024

17/02/2024

Il-Partit Popolari Jipproponi t-Tmiem tal-Istazzjonijiet tal-Partiti u tas-Sussidji għall-Media Privata

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-media privata f’Malta, iddominata kif inhi mill-partiti politiċi u minn ftit kumpaniji tal-media li jiddependu fuq is-sussidji. Huwa jesprimi t-tħassib tiegħu wkoll dwar il-cartel tal-media li twaqqaf biss ftit tal-jiem ilu, li permezz tiegħu se tiżdied il-kollużjoni fost il-kumpaniji tal-media l-kbar u l-partiti biex dawn ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni dominanti tagħhom filwaqt li jiksbu aktar finanzjament minn flus il-poplu.

Fil-post fejn qegħdin nagħmlu din il-konferenza, jiġifieri quddiem dak li kien il-bini tat-Times of Malta, fil-15 ta’ Ottubru 1979 kien sar attakk fiżiku fuq il-libertà tal-istampa f’pajjiżna, meta l-binja ġiet attakkata u nħarqet. Illum għal darb’oħra qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-pluraliżmu fix-xandir huwa mhedded, din id-darba mill-operaturi dominanti stess f’dan il-qasam, li jridu joħolqu oligopolju ssussidjat minn flus iċ-ċittadin, u fejn l-informazzjoni tkompli tkun ikkontrollata mill-ftit.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li jieqfu s-sussidji pubbliċi għall-kumpaniji tal-media, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Unjoni Ewropea, kemm jekk dawn jingħataw direttament bħala għotjiet kif ukoll fil-forma ta’ kuntratti, riklami jew proġetti u programmi, inkluż dwar l-hekk-imsejjaħ “fact-checking”. Il-Partit Popolari jemmen li dawn is-sussidji diretti u indiretti mhumiex biss użu ħażin ta’ flus in-nies iżda jagħtu wkoll vantaġġ inġust lil dawn l-operaturi l-kbar f’dan is-suq, u jiżvantaġġaw kompetituri ġodda. Minbarra dan, wieħed ma jistax jgħid li media hija indipendenti jekk tirċievi l-fondi u l-favuri mingħand l-awtoritajiet.

Nirrimarkaw ukoll li l-fatt li dawn il-kumpaniji tal-media kważi kollha jgħidu b’wiċċhom minn quddiem li lesti jsemmgħu qanpiena politika waħda biss, jiġifieri dik liberali, iwassal biex il-fondi pubbliċi li jirċievu jkunu effettivament qed jintużaw biex isaħħu naħa waħda biss fid-dibattitu politiku fil-pajjiż.

Il-Partit Popolari jemmen ukoll li wasal iż-żmien li tiġi indirizzata l-problema tal-kumpaniji tal-media tal-partiti, fenomenu li ma jeżisti mkien iżjed fid-dinja żviluppata. Il-finanzjament ta’ dawn, bħal dak tal-partiti li huma s-sidien tagħhom, huwa parti miċ-ċiklu korrott li hija mibnija fuqu l-politika Maltija. Għalhekk, minbarra li jipproponi li jsir skrutinju aktar strett tal-finanzjament tal-partiti b’mod ġenerali, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll li l-partiti politiċi ma jitħallewx aktar ikunu sidien ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju.

F’dawn l-aħħar ġranet rajna wkoll waħda mill-kumpaniji tal-media tiġi mmultata minħabba li qalet espliċitament li mhix lesta ssegwi r-regolament maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir biex iżżomm bilanċ fil-programmi politiċi tagħha. Il-Partit Popolari jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Awtorità għall-attakki inġusti li sofriet u jsejjaħ biex ir-rwol tagħha jissaħħaħ biex jiġi żgurat li f’pajjiżna l-pubbliku jkollu aċċess xieraq fil-media għall-opinjonijiet u l-għażliet politiċi kollha.

Follow by Email
Facebook
Twitter