Stqarrija 04-2022

15/03/2022

Il-Partit Popolari Jippreżenta Programm Elettorali Mibni Madwar il-Familja, in-Nazzjon u l-Libertà

Il-Partit Popolari huwa kburi li qed jippreżenta programm elettorali li jagħti viżjoni differenti ta’ kif jista’ jitfassal il-futur ta’ pajjiżna, u għalhekk iseddaq id-demokrazija f’pajjiżna billi jżid l-għażla li għandu quddiemu l-poplu fl-elezzjonijiet ġenerali. Dan f’kuntest fejn il-partiti tradizzjonali ppreżentaw programmi kważi identiċi, għajr għal xi dettalji.

Qegħdin nipproponu li l-familja tkun fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u soċjali, minflok l-enfasi għamja fuq it-tkabbir tal-ekonomija biss. Qegħdin nipproponu li l-ekonomija taċ-cheap labour tinqata’ gradwalment u tiġi sostitwita minn ekonomija li toffri pagi aħjar, anki jekk il-pass tat-tkabbir jonqos xi ftit. Qegħdin nipproponu li l-infiq soċjali tal-gvern jiġi dirett ferm aktar favur il-familji bit-tfal, fuq il-bażi tal-mudell li qiegħed jirnexxi fl-Ungerija. B’mod partikolari, qegħdin nipproponu għajnuna ferm akbar għall-familji bit-tfal biex ikunu jistgħu jixtru d-dar tagħhom. Qegħdin ninsistu wkoll li l-mudell tal-familja tradizzjonali ma jiġix imminat mis-sistema edukattiva.

Qegħdin nipproponu difiża ferm aktar soda tas-sovranità u tal-interessi ta’ pajjiżna. Qegħdin nipproponu politika ferm aktar soda dwar l-abbużi mis-sistema tal-ażil għall-fini ta’ immigrazzjoni ekonomika. Qegħdin nipproponu wkoll li naħdmu biex inġibu lura setgħat li ġew ċeduti lil Brussell mingħajr raġuni valida.

Qegħdin nipproponu wkoll żieda kbira fil-libertajiet taċ-ċittadini tagħna. Qegħdin nipproponu li jkunu huma stess li jieħdu bosta mid-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom, kemm fil-livell personali (inkluż f’affarijiet bħal-libertà medika, il-libertà tal-espressjoni u tal-kuxjenza), kif ukoll fil-livell lokali u reġjonali, fejn qed nipproponu trasferiment kbir ta’ setgħat mill-gvern ċentrali, u wkoll fil-livell nazzjonali, fejn qed nipproponu użu ferm akbar tar-referendum.

Follow by Email
Facebook
Twitter