03/02/2024
Il-Partit Popolari Jesprimi l-Appoġġ Tiegħu għall-Kawża tal-Bdiewa u r-Raħħala Maltin
Il-Partit Popolari jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kawża tal-bdiewa u r-raħħala Maltin li jinsabu mhedda minn kompetizzjoni inġusta b’riżultat ta’ nuqqas ta’ infurzar tar-regoli dwar l-importazzjoni minn pajjiżi terzi min-naħa tal-Gvern, kif ukoll mill-pjanijiet tal-Unjoni Ewropea li tiftaħ il-kummerċ fil-prodotti agrikoli ma’ pajjiżi u reġjuni fid-dinja li għandhom vantaġġi kompetittivi kbar fuq il-bdiewa Ewropej, u b’mod partikolari dawk Maltin.
Il-Partit Popolari jingħaqad ukoll mal-bdiewa Maltin biex jiddeplora l-politika tal-Unjoni Ewropea li tħallas lill-bdiewa biex iħallu l-art agrikola tagħhom mhux użata. Din il-politika qiegħda teqred is-settur agrikolu u s-sigurtà alimentari fl-Ewropa u wisq iktar f’Malta, li diġà għandha settur agrikolu żgħir u li jbati minn bosta żvantaġġi.
Il-Partit Popolari jirrimarka wkoll il-problema serja li qegħdin jiffaċċjaw il-bdiewa Maltin, speċjalment dawk żgħażagħ, minħabba l-prezzijiet esaġerati tal-art agrikola, ikkawżati mit-tnaqqir kontinwu tal-provvista limitata ta’ art agrikola f’Malta għal użi oħra, b’mod partikolari l-ispekulazzjoni.
Il-Partit Popolari jfakkar li l-partit fil-gvern u dak ewlieni tal-oppożizzjoni huma direttament responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea billi appoġġawhom ripetutament kemm fil-Kunsill tal-Ministri kif ukoll fil-Parlament Ewropew. Ma jagħmilx sens li issa qegħdin jesprimu simpatija mal-ilmenti tal-bdiewa meta kienu huma stess li vvutaw favur dawn il-miżuri meta kellhom iċ-ċans iwaqqfuhom.
Il-Partit Popolari jemmen li settur agrikolu lokali b’saħħtu huwa element essenzjali f’ekonomija nazzjonali sostenibbli u stabbli li toffri livell għoli ta’ sikurezza u awtonomija għal pajjiżna. Il-viżjoni ekonomika tal-gvern preżenti u dak ta’ qablu warrbet lis-settur agrikolu għax riedet biss tkabbir ekonomiku ta’ malajr. Min-naħa tiegħu, il-Partit Popolari fil-programm elettorali tiegħu enfasizza l-ħtieġa ta’ appoġġ qawwi għal setturi strateġiċi bħall-agrikoltura u l-enerġija fil-limiti ta’ dak li tippermetti s-sħubija ta’ Malta fl-Unjon Ewropea, kif ukoll pożizzjoni ferm aktar assertiva favur l-interessi Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej.