Stqarrija 03-2023

31/03/2023

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għall-Kisba Lura tal-Ħelsien ta’ Pajjiżna

Il-Partit Popolari jfakkar it-tluq tal-forzi militari Ingliżi minn Malta fl-1979 u l-mument meta pajjiżna ħa f’idejh għall-ewwel darba r-responsabbiltà sħiħa għall-ekonomija u d-difiża tiegħu. Huwa jirrimarka bi tħassib li, minn dak iż-żmien ’l hawn, gvernijiet Maltin waqqfu kull tentattiv biex pajjiżna jkun kemm jista’ jkun indipendenti mhux biss fuq il-karta, iżda wkoll b’mod konkret, jiġifieri ekonomikament u fil-qasam tad-difiża.

Nirrimarkaw il-fatt li pajjiżi li jiddependu fuq fondi barranin jew fuq li xi ħadd ieħor jiggarantixxi s-sigurtà tagħhom huma suġġetti għal pressjonijiet li kapaċi jxejnu s-sovranità tagħhom fil-prattika jew jagħmluha impossibbli għalihom li jeżerċitawha.

Gvernijiet suċċessivi sa mill-2004 għamlu lil Malta dejjem aktar dipendenti fuq fondi mill-Unjoni Ewropea u wkoll fuq kummerċ ma’ numru żgħir ta’ pajjiżi. Fl-istess waqt, oqsma ekonomiċi essenzjali u strateġiċi bħalma huma l-agrikoltura u l-industrija twarrbu kważi kompletament. Dan jagħmel lil pajjiżna vulnerabbli għar-rikatt min-naħa tal-Unjoni Ewropea jew ta’ stati membri oħra, bħal ma qiegħed isir bħalissa fir-rigward ta’ pajjiżi bħall-Ungerija u l-Polonja.

Il-Partit Popolari jipproponi li minflok il-gvernijiet ta’ pajjiżna jfittxu biss it-tkabbir ekonomiku ta’ malajr, jaraw li pajjiżna jkun jista’ jipprovdi huwa stess il-bżonnijiet l-aktar essenzjali tiegħu f’każ ta’ taqlib fil-katini tal-provvista internazzjonali, kif seħħ f’dawn l-aħħar snin. B’mod partikolari, nipproponu politika ġdida fil-qasam tal-agrikoltura biex dan is-settur jerġa’ jitqajjem fuq saqajh, minkejja r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jillimitaw ħafna l-azzjoni possibbli tal-gvern f’dan il-qasam.

Fil-qasam tas-sigurtà, il-Partit Popolari jirrimarka li pajjiżna qiegħed ikompli jonqos mid-dmir bażiku tiegħu li jiggarantixxi d-difiża tal-pajjiż b’mod awtonomu safejn possibbli, dan minkejja li Malta hija gżira u għalhekk huwa ferm realistiku li din tista’ tiġi difiża b’investiment relattivament limitat. Il-Partit Popolari jsejjaħ biex il-gvern Malti jżid l-infiq fuq id-difiża ta’ pajjiżna minn madwar 0.5% tal-prodott domestiku gross għal 2%, li huwa l-livell meqjus bħala minimu anki minn pajjiżi akbar u aktar avvanzati.

Fl-aħħar nett fil-qasam tal-enerġija, il-Partit Popolari jsejjaħ biex tittieħed azzjoni fis-snin li ġejjin biex pajjiżna ma jibqax għal kollox dipendenti fuq l-importazzjoni tal-enerġija minn barra xtutna, iżda li jsir investiment xieraq fil-kisba tal-awtonomija fl-enerġija, l-aktar f’sorsi rinnovabbli tal-enerġija li Malta hija għanja ħafna fihom.

Follow by Email
Facebook
Twitter