Stqarrija 03-2022

10/03/2022

Il-Partit Popolari Jimpenja Ruħu li Jibni mill-Ġdid it-Teatru Rjal fuq il-Pjanta Oriġinali ta’ E.M. Barry

Il-Partit Popolari jimpenja ruħu li matul il-leġiżlatura li jmiss u, jekk hemm bżonn fis-snin ta’ wara, jaħdem biex il-poplu Malti jerġa’ jingħata lura t-Teatru Rjal, fuq il-pjanta oriġinali ta’ Edward Middleton Barry, ġawhra li ntilfet fit-Tieni Gwerra Dinjija u li baqgħet qatt ma ngħatat lura lil pajjiż.

Il-Partit Popolari jemmen li dan il-proġett qatt ma twettaq mhux minħabba nuqqas ta’ riżorsi, għax ir-riżorsi għal proġetti oħra kienu hemm, imma minħabba nuqqas ta’ rieda politika.

It-Teatru Rjal kien wieħed mill-aktar monumenti importanti li kellha l-Belt Valletta, u ġie ddiżinjat minn wieħed mill-aktar periti importanti ta’ żmienu fl-Ingilterra, li kellu wkoll rwol importanti fil-bini tal-Palazz ta’ Westminster, li x-xogħol fuqu kien inbeda minn missieru Charles Barry. Għal għexieren ta’ snin, dan it-teatru kien wieħed mit-teatri ewlenin fl-Ewropa u kien jiġbed lejh artisti ewlenin minn madwar il-kontinent kollu.

Il-proġett tat-Teatru Rjal huwa parti mill-viżjoni li l-Partit Popolari għandu għall-valorizzazzjoni tal-wirt storiku Malti. Qegħdin nipproponu sensiela ta’ proġetti li, fost l-oħrajn jirrigwardaw l-istazzjon u l-mina tal-ferrovija ta’ taħt l-art tal-Belt u l-Floriana, Fort Campbell, il-Victoria Lines, Fort Delimara, il-power station ta’ taħt l-art ta’ Kordin u d-diversi fortifikazzjonijiet li jinsabu madwar pajjiżna.

Follow by Email
Facebook
Twitter