Stqarrija 02-2024

24/01/2024

Il-Partit Popolari Jopponi l-Proposti tal-Gvern fil-White Paper dwar id-Droga

Il-Partit Popolari jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposti li qed jagħmel il-Gvern fil-White Paper tiegħu dwar id-droga, li fiha qed jipproponi li jkomplu jitnaqqsu l-protezzjonijiet li għandhom iż-żgħażagħ tagħna minn theddida serja għall-futur tagħhom.

Il-Partit Popolari jopponi b’mod partikolari ż-żieda proposta fl-ammont massimu ta’ droga li wieħed jista’ jkun qed iġorr fuqu mingħajr ma jitqies bħala traffikant. Nemmnu li l-ammonti li qegħdin jiġu proposti fil-white paper huma għolja wisq biex jitqiesu bħala ammonti għal użu personali. Nemmnu wkoll li anki kieku l-limiti eżistenti kienu baxxi wisq, li mhuwiex il-każ, dan kien ikun aħjar milli li jkunu għolja wisq kif ikun il-każ jekk jiġu implimentati dawn il-proposti, bir-riżultat li tiġi mfixkla l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u jiġi pperikolat il-futur taż-żgħażagħ Maltin.

Il-Partit Popolari jfakkar li kien biss ftit tas-snin ilu li dan il-Gvern wettaq ukoll liberalizzazzjoni fil-qasam tal-marijuana, li wasslet għal użu ferm aktar wiesa’ tagħha. Infakkru li dik il-liġi wkoll suppost kien fiha salvagwardji, iżda li kif kien qal il-Partit Popolari anki dak iż-żmien, dawn ma kinux imfassla biex ikunu jistgħu jitwettqu fil-prattika. Nerġgħu mill-ġdid insejħu biex dik il-liġi tiġi riveduta bil-għan li jkun hemm aktar protezzjoni għat-tfal. B’mod partikolari, nemmnu li ma għandux ikun permess il-konsum jew tkabbir tal-marijuana fi djar fejn ikun hemm it-tfal u lanqas f’postijiet pubbliċi, filwaqt li jiżdiedu l-pieni għal min jinqabad isuq jew b’xi mod ieħor jipperikola lil ħaddieħor waqt li jkun taħt l-effett tagħha.

Il-Partit Popolari jirrimarka li l-politika tal-Gvern f’kull qasam qiegħda tkun waħda li ma tħarisx lejn il-konsegwenzi fit-tul, u dan qed ikollu effett negattiv f’kull qasam fuq iż-żgħażagħ b’mod partikolari. Il-Partit Popolari sa mill-bidu tiegħu ippropona programm alternattiv li jinvolvi għażliet inqas faċli fl-immedjat, iżda li joffri futur għall-familji żgħażagħ mhux biss permezz ta’ investiment ekonomiku fihom iżda wkoll permezz tal-ħolqien ta’ kuntest legali u soċjali li jappoġġjahom minflok itellifhom.

Follow by Email
Facebook
Twitter