Stqarrija 02-2023

16/03/2023

Il-Partit Popolari jsejjaħ lil Gvern u  lill-Oppożizzjoni sabiex ipoġġu lil Familja fiċ-Ċentru tal-Politika tagħħhom

Il-Partit Popolari juri t-tħassib tiegħu dwar l-istatistika tal-Eurostat li ġiet ippubblikata l-ġimgħa li għaddiet li reġgħet ikkonfermat lil Malta bhala l-pajjiż bl-anqas rata ta’ fertilità fost il-pajjiżi Ewropej.  Barra minn hekk il-Partit Popolari jinsab ddiżappuntat ferm bil-pożizzjoni kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni li qed juru biċ-ċar li m’għandhom l-ebda interess li jindirizzaw din il-problema hekk sinifikanti anzi qed juru li għalihom il-kollass demografiku tal-Poplu Malti huwa xi ħaġa naturali u inevitabbli.

Il-Partit Popolari jemmen li kull pajjiż għandu jqiegħed fl-ewwel post il-ħarsien tal-interessi taċ-ċittadini, u li dan hu r-rwol fundamentali li l-istat inħoloq għalih.  Sfortunatament, jidher li l-Gvern mhux qiegħed jagħmel dan peress li qed jiffokka fuq ekonomija tal-massa b’importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema minn barra minflok jinvesti f’ekonomija sostennibbli li televa liċ-ċittadini u l-familji Maltin.  Din il-politika qed tippreżenta għadd ta’ problemi lill-familji Maltin fosthom prezzijiet tal-proprjetà projbittivi u nuqqas ta’ sigurtà.  Apparti minn hekk, il-Partit Popolari jinnota u jikkundanna l-attakki kontinwi li l-familja tradizzjonali qed taffaċċja minn diversi forzi li jinħbew wara l-maskri tal-ugwaljanza u l-edukazzjoni.

Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu, il-Partit Popolari saħaq fuq l-importanza tal-familja tradizzjonali u li din hija l-pedament ewlieni tas-soċjetà u għalhekk l-istat għandu jappoġġaha bis-sħiħ, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-familji mhux tradizzjonali.  Il-Partit Popolari jirrikonoxxi li pajjiż bla wlied huwa pajjiż bla futur u għalhekk isejjaħ lill-Gvern u lill-imsieħba soċjali sabiex jaħdmu flimkien sabiex jiġu eliminati l-ostakli li ħafna koppji qed jaffaċċjaw.   

Il-Partit Popolari jinnota kif pajjiżi bħall-Ungerija rnexxielhom jibdew ireġġgħu lura t-tnaqqis fir-rata tal-fertilità permezz ta’ miżuri favur il-familja bħal tnaqqis jew eliminazzjoni tat-taxxa tad-dħul għall-ommijiet abbażi tan-numru ta’ wlied.  Il-Partit Popolari jħeġġeġ lil Gvern biex jimplimenta miżuri simili fosthom ġranet żejda ta’ btala għal ġenituri abbażi tan-numru ta’ ulied kif ukoll l-għoti tal-paga minima nazzjonali għal ġenitur li jagħżel li jieqaf mix-xogħol biex irabbi t-tfal, fejn ikun hemm mill-inqas tliet ulied.  Dawn il-miżuri favur il-familja, fost ħafna oħra ġew proposti mill-Partit Popolari fil-Manifest tiegħu.

Follow by Email
Facebook
Twitter