Stqarrija 01-2024

13/01/2024

Il-Partit Popolari Jiddeplora t-Tbatija li se jiġi Suġġett għaliha ċ-Ċittadin Malti Minħabba t-Taxxa tal-UE fuq l-Emissjonijiet tal-Bastimenti

Il-Partit Popolari jiddeplora s-sitwazzjoni li tpoġġew fiha l-konsumatur Malti u l-ħaddiema Maltin mill-bidu ta’ din is-sena b’riżultat tat-taxxa fuq l-emissjonijiet tal-bastimenti imposta mill-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari jirrimarka fuq l-inutilità tal-inizjattivi kollha li qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-tibdil fil-klima, meta l-emitturi l-kbar fid-dinja, li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, mhux biss se jkomplu bl-emissjonijiet tagħhom, iżda se jżiduhom minħabba l-vantaġġ kompetittiv li qed jingħataw mill-azzjonijiet unilaterali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pakkett kollu tal-hekk-imsejħa Green Deal qiegħed jirriżulta f’żieda fl-għoli tal-ħajja fl-Ewropa kollha, dan fi żmien meta fatturi oħra qegħdin ukoll jikkontribwixxu għall-inflazzjoni, fosthom l-istampar bl-addoċċ ta’ flus li sar mill-Bank Ċentrali Ewropej matul l-aħħar ftit snin. Madankollu, din l-aħħar miżura se tolqot lil pajjiżna b’mod ferm aktar dirett billi bħala gżira jiddependi fuq il-merkanzija bil-baħar u billi se tintlaqat il-kompetittività ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ marittimu, kif ukoll tat-turiżmu bil-baħar. Sadanittant, dawn it-taxxi ma japplikawx għall-kompetituri tagħna fil-Mediterran li huma barra mill-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari jiddeplora n-nuqqas ta’ sforz li sar mill-Gvern biex iwaqqaf dan l-iżvilupp li se jolqot tant ħażin kemm lill-konsumatur Malti kif ukoll lill-ekonomija b’mod ġenerali. Bħal f’bosta okkażjonijiet oħra, il-ħeġġa tal-gvernijiet Maltin biex jikkonformaw mal-kunsens Ewropew wasslet biex injoraw l-interessi ċari taċ-ċittadini tagħhom.

Il-Partit Popolari jħeġġeġ biex il-Gvern Malti jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jitneħħa r-Regolament 2023/957 tal-UE li impona din it-taxxa ġdida, u jaħdem biex ma jkomplux jiġu imposti l-ħafna elementi li għadhom iridu jiddaħħlu tal-European Green Deal li se jkomplu jagħmlu l-qagħda tal-konsumaturi u l-ħaddiema tagħna waħda impossibbli. Il-Partit Popolari jfakkar li l-gvern Pollakk irnexxielu jikseb opt-out mill-Green Deal, għax kien immexxi minn politiċi li jpoġġu l-interessi ta’ pajjiżhom l-ewwel.

Follow by Email
Facebook
Twitter