06/03/2023
Il-Partit Popolari Jsejjaħ biex il-Ġnien tal-Gżira ma Jinqeridx mill-Ispekulazzjoni
Il-Partit Popolari jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għad-deċiżjoni li parti sostanzjali mill-ġnien tal-Gżira tittieħed mill-użu tal-pubbliku biex tinbidel f’pompa tal-petrol, filwaqt li l-bqija tal-ġnien ma tibqax utilizzabbli minħabba l-inkwinar tal-arja li hija mistennija minn dan il-pompa.
Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu, il-Partit Popolari saħaq fuq l-importanza li l-poplu jkollu l-possibiltà li jgawdi spazji miftuħa fil-lokalitajiet tiegħu, u naqqax dan il-punt fid-dokument ta’ prinċipji bażiċi tiegħu, imsejjaħ il-Pilastri tal-Partit Popolari, li jifforma parti mill-istatut tiegħu.
Nikkundannaw ukoll l-attakki li saru fuq is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché minħabba li dan wera lealtà lejn ir-residenti minflok biss lejn l-interessi ta’ partit. Il-Partit Popolari jemmen bis-sħiħ fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, u għalhekk iwiegħed li l-uffiċjali lokali tiegħu jitħallew dejjem jaġixxu fl-interessi taċ-ċittadini lokali mingħajr ma jħarsu lejn l-interessi tal-partit fil-livell nazzjonali.
Nifhmu li f’dan il-każ, mhux biss il-Kunsill lokali elett miċ-ċittadini tal-lokalità ma ġiex ikkonsultat, iżda lanqas biss ġie infurmat u sar jaf bil-proġett biss b’xorti tajba.
Il-Partit Popolari jtenni u jġedded il-proposta elettorali tiegħu li l-gvernijiet lokali jingħataw is-setgħa li jwaqqfu proġetti li jidhrilhom li jmorru kontra l-interessi tal-komunità lokali, u dan permezz ta’ bidla fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Nemmnu li mhuwiex aċċettabbli li ċ-ċittadini residenti f’lokalità ma jkollhom l-ebda vuċi f’affarijiet li jikkonċernaw l-aktar lilhom.
Il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll għal mudell ġdid ta’ politika, fejn il-partiti politiċi ma jibqgħux aktar strumenti tan-negozjanti li jiffinanzjawhom, iżda jibdew iwettqu l-ħidma tagħhom bil-volontarjat taċ-ċittadini li jemmnu fil-prinċipji tagħhom, u fl-interessi taċ-ċittadini stess, bħalma huwa l-każ bil-partiti l-ġodda. Il-Partit Popolari se jibqa’ konsistenti fl-impenn tiegħu li jopera bil-volontarjat u billi jimmobilizza liċ-ċittadini fl-impenn politiku.