03/01/2022
Il-Partit Popolari jesprimi n-niket u t-tħassib kbir tiegħu għall-qtil vjolenti ta’ Paulina Dembska, residenti f’pajjiżna, li mistenni jitressaq il-Qorti għalih żagħżugħ Malti. Bħala ċittadini nemmnu li kull att bħal dan li jseħħ f’pajjiżna, speċjalment jekk imwettaq minn ċittadin Malti u jekk seta’ jiġi evitat, huwa r-responsabbiltà politika tagħna lkoll.
Il-Partit Popolari jistieden għal riflessjoni dwar kif is-soċjetà tagħna, u b’mod partikolari l-awtoritajiet fdati minnha biex iwettqu din il-ħidma setgħu evitaw każijiet bħal dan, l-ewwel nett billi jidentifikaw aktar minn kmieni kull sinjal ta’ radikalizzazzjoni jew ta’ problemi mentali li jistgħu jġorru magħhom riskji għal persuni innoċenti. Il-Partit Popolari jinsisti li l-ħarsien ta’ persuni innoċenti, u mhux teoriji progressisti li diġà fallew kull fejn ġew ippruvati madwar id-dinja, għandu jkun l-ispirazzjoni tal-azzjoni tal-awtoritajiet tal-ħarsien soċjali, tal-kura tas-saħħa u tal-infurzar tal-liġi.
Il-Partit Popolari jistieden ukoll lill-Gvern u lill-awtoritajiet biex jiddedikaw ir-riżorsi u l-isforzi tagħhom mhux aktar biex irażżnu d-diversità tal-ħsieb u opinjoni u jimponu dogmatiżmu progressist fuq il-pubbliku, jew biex jinfurzaw regoli frivoli u bla effett prattiku dwar il-pandemija tal-Covid, imma biex isolvu problemi soċjali reali, li jkollhom konsegwenzi reali għas-soċjetà u għal individwi innoċenti.
Fl-aħħar nett, il-Partit Popolari jikkundanna t-tentattivi li qegħdin isiru minn xi attivisti progressisti lokali biex jitfgħu l-ħtija ta’ dak li seħħ fuq komunità nisranija lokali jew saħansitra fuq il-komunitajiet insara lokali b’mod ġenerali, mingħajr ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan. Bl-istess mod, nikkundannaw kull tentattiv li jiġu demonizzati l-persuni kollha ta’ ġeneru maskili għall-azzjonijiet ta’ bniedem wieħed.