Politika Barranija
L-għan tal-politika barranija ta’ Malta jkun li jitħarsu s-sovranità u l-indipendenza ta’ Malta, filwaqt li jitħarsu u jitmexxew ’il quddiem l-interessi ekonomiċi u politiċi tal-pajjiż. Infittxu li nseddqu l-kooperazzjoni u l-paċi kemm fir-reġjun tagħna, kif ukoll lil hinn minnu.
Trattati Internazzjonali
- Nipproponu bidla fil-Kostituzzjoni li tirrikjedi r-ratifika tat-trattati internazzjonali permezz ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u li tirrikjedi li tingħata wkoll l-opportunità li jissejjaħ referendum dwar ir-ratifika fil-każ li jkun hemm talba għal dan miċ-ċittadini. Il-ħruġ mit-trattati internazzjonali jkun jirrikjedi biss l-appoġġ ta’ maġġoranza sempliċi tal-Membri tal-Kamra.
- Id-dritt li jissejjaħ referendum abrogattiv miċ-ċittadini jiġi estiż għat-trattati internazzjonali, mingħajr eċċezzjoni.
L-Ewropa
- Filwaqt li nappoġġjaw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sakemm din tkompli tkun ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti, nemmnu li l-gvern Malti għandu bħala prijorità jirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa u mhux lill-Ewropa f’Malta.
- Ninsistu li kull leġiżlazzjoni ġdida Ewropea tkun tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità mhux biss fl-ittra imma wkoll fl-ispirtu.
- F’każ ta’ bidliet għat-trattati tal-UE, naraw li jissaħħaħ ferm aktar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u wkoll li jsir eħfef li titneħħa leġiżlazzjoni eżistenti (b’maġġoranza sempliċi). Nimpenjaw ruħna wkoll li l-aħħar kelma dwar ir-ratifikazzjoni tat-trattat tingħata liċ-ċittadini Maltin f’referendum.
- Nimpenjaw ruħna li, f’każ ta’ deċiżjonijiet mill-Unjoni Ewropea li fuqhom Malta ma jkollhiex id-dritt tal-veto imma li madankollu jaffettwaw interessi nazzjonali fundamentali, naġixxu skont l-interessi nazzjonali fundamentali. Nagħmlu ħilitna wkoll biex indaħħlu dan il-prinċipju fit-trattati tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ negozjar mill-ġdid tagħhom.
- Fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta tivvota kontra kull leġiżlazzjoni li ma tkunx ġiet ippreżentata quddiem il-Parlament Malti u kisbet l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Membri tiegħu.
- Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, infittxu li nibnu alleanzi ma’ Stati Membri oħra li għandhom l-istess viżjoni tal-Unjoni Ewropea bħala konfederazzjoni ta’ stati sovrana bbażata fuq is-sussidjarjetà, u wkoll ma’ dawk li għandhom l-istess fehmiet u interessi f’oqsma oħra, bħall-immigrazzjoni. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw l-immigrazzjoni, nikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri l-oħra li jinsabu fil-Mediterran.
- Nivvutaw kontra l-finanzjament ta’ kull aġenzija jew politika tal-UE li jaġixxu kontra l-interess nazzjonali, jew li jużaw fondi pubbliċi għall-finijiet ta’ propaganda politika jew indottrinazzjoni.
- Sabiex il-firxa tal-attivitajiet tal-UE tinżamm taħt kontroll, nipproponu li l-baġit tal-Unjoni jitnaqqas għal 0.8% tal-PDG tal-pajjiżi membri (mill-1% preżenti).
- F’każ ta’ negozjati għal bidliet għat-trattati li fuqhom hija bbażata l-UE, naħdmu biex Malta tikseb l-istess opt-outs li bħalissa tgawdi d-Danimarka fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, iċ-ċittadinanza, il-pulizija u l-ġustizzja, flimkien ma’ opt-outs oħra li jistgħu jkunu neċessarji biex Malta terġa’ tikseb kontroll sħiħ ta’ oqsma essenzjali għas-sigurtà tagħha, bħall-ażil u l-immigrazzjoni. Naħdmu wkoll biex jerġa’ jiddaħħal il-vot unanimu f’dawk l-oqsma li minnhom tneħħa permezz tat-Trattat ta’ Lisbona.
Il-Mediterran
- Filwaqt li ma ninvolvux lil pajjiżna f’kunflitti interni jew esterni fir-reġjun tagħna, nappoġġjaw kull sforz għall-paċi u l-kooperazzjoni li jseħħ bil-kunsens tal-partijiet kollha.
- Inkomplu nieħdu sehem attiv fl-inizjattivi reġjonali bħall-Unjoni għall-Mediterran, u naħdmu favur kooperazzjoni dejjem akbar fl-oqsma ekonomiċi, politiċi u kulturali bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun, kif ukoll fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, u dak tar-ripatrijazzjoni.
- Insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien u nipprijoritizzaw in-nefqa fil-missjonijiet diplomatiċi ta’ Malta f’dawn il-pajjiżi, l-aktar bil-għan li nsaħħu r-rabtiet ekonomiċi, politiċi u kulturali magħhom.
In-Nazzjonijiet Uniti u x-Xena Internazzjonali
- Nagħtu importanza kbira lill-parteċipazzjoni ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-aġenziji tagħha, iżda nżommu lura l-kooperazzjoni u l-finanzjament minn kull aġenzija jew entità li tfittex li tinterferixxi fl-affarijiet interni ta’ Malta jew tuża fondi pubbliċi sabiex ixxerred propaganda politika jew indottrinazzjoni.
- Bħala stat newtrali, nimxu b’politika waħda fir-rigward tad-dħul ta’ forzi armati barranin fit-territorju u fl-ibħra Maltin. Ma nidħlux f’alleanzi militari, sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa ċara li jsir dan għad-difiża ta’ pajjiżna.
- Biex inħarsu l-indipendenza ekonomika u politika tagħna, filwaqt li nżommu l-aħjar relazzjonijiet possibbli ma’ kull stat barrani, naraw li l-ebda wieħed minnhom ma jitħalla jieħu pożizzjoni sproporzjanata fl-ekonomija ta’ Malta.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u s-Servizz Diplomatiku
- Jitwaqqaf Direttorat għall-Ippjanar tal-Politika, li jaħdem flimkien mal-Università ta’ Malta u mad-Direttorati operattivi tal-Ministeru biex jipprovdi analiżi fil-fond ta’ kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-politika barranija ta’ Malta.
- Jitwettaq proċess ta’ razzjonalizzazzjoni tan-network diplomatiku, fejn jiġi stabbilit x’inhuma l-għanijiet għal kull ambaxxata u sa liema punt ir-riżorsi minfuqa huma proporzjonali għall-gwadann mistenni.
- Ma jsirux attivitajiet fl-ambaxxati ta’ Malta li jistgħu jsiru minn Malta, inkluż xogħol amministrattiv u ta’ analiżi fil-fond. B’hekk, l-ambaxxati jkunu jistgħu jiffukaw iktar fuq dak ix-xogħol li jistgħu jagħmlu huma biss.
- Is-servizz diplomatiku Malti jingħata r-rikonoxximent u d-dinjità li jixirqulu. Il-ħidma politika fil-Ministeru ssir biss minn membri tas-servizz diplomatiku, reklutati permezz ta’ eżami kompetittiv. Isiru eżamijiet kompetittivi regolari għall-promozzjonijiet fis-servizz u titħaddem sistema ta’ rotazzjoni awtomatika għall-postings barra minn Malta u għall-pożizzjonijiet fil-kwartieri ġenerali tal-Ministeru.
Il-Maltin madwar id-Dinja
- Filwaqt li nkomplu l-isforzi eżistenti biex jinżamm kuntatt mill-qrib mal-komunitajiet Maltin f’artijiet barranin, indaħħlu enfasi fuq l-inkoraġġiment tar-ritorn lejn Malta. F’dan ir-rigward, jitwaqqaf programm Birthright Malta, li joffri lil żgħażagħ eliġibbli għaċ-ċittadinanza Maltija l-opportunità li jgħixu u jaħdmu f’Malta, filwaqt li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-lingwa u l-kultura Maltin.
Id-Difiża
- Nistabbilixxu bħala mira fit-tul għall-Forzi Armati ta’ Malta li jkunu jistgħu jiddefendu l-pajjiż kontra kull theddida mill-baħar jew mill-arju li tista’ tiġi mill-pajjiżi fil-viċinanzi ta’ pajjiżna li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.
- Nespandu l-Volunteer Reserve Force tal-Forzi Armati ta’ Malta u nimmiraw li nibnu tassew “armata taċ-ċittadini” (citizen army) volontarja li tkun ukoll forza li tibni u ssaħħaħ il-koeżjoni fis-soċjetà Maltija.