Edukazzjoni
Il-Partit Popolari jemmen li s-setgħa fil-qasam tal-edukazzjoni, bħal f’oqsma oħra, għandha fejn possibbli tingħata lura lill-individwi, lill-familji u lill-komunitajiet, u mhux tkun ikkonċentrata f’idejn il-ftit.
Nemmnu wkoll fl-importanza assoluta tal-edukazzjoni bħala l-bażi tal-futur ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Għalhekk irridu nsaħħu l-investiment fl-edukazzjoni u nagħtuha l-ogħla prijorità, kemm fil-baġits tagħna, kif ukoll fid-deċiżjonijiet dwar policies oħra.
Nemmnu wkoll f’sistema edukattiva pubblika li tkun newtrali ideoloġikament u li ma tgħallimx biss perspettiva waħda fi kwistjonijiet li jkunu politikament ikkontestati.
Nemmnu li l-akbar kisba li jista’ jkollu l-istudent mis-sistema edukattiva tkun li jitgħallem jaħseb b’moħħu.
Nemmnu bis-sħiħ fl-importanza tal-edukazzjoni tul il-ħajja, u bi ħsiebna nibnu mill-ġdid is-sistema tal-edukazzjoni terzjarja biex tiffaċilita dan l-għan.
Riżorsi
- Naraw li l-librerija nazzjonali tkun waħda denja ta’ pajjiż modern Ewropew u għalhekk li jkollha l-baġit xieraq, inkluż għal investimenti fl-aħħar teknoloġiji.
- Ninvestu wkoll f’libreriji lokali li jkunu jistgħu jservu ta’ riżorsa mhux biss għall-abitanti tal-lokalità b’mod ġenerali imma wkoll b’mod partikolari għal home schoolers fil-lokalità.
- Nagħtu status professjonali lil-Librara.
- Flus minfuqa fuq kotba u materjal edukattiv li ma jkunux koperti minn vouchers mogħtija mill-gvern ikunu jistgħu jitnaqqsu mill-ammont dikjarabbli għat-taxxa.
L-Edukaturi
- Nipproponu li li-paga tal-għalliema tiġi miżjuda biex tkun ekwivalenti għal dik ta’ professjonisti oħra ta’ livell għoli.
- Nipproponu li għalliema tajbin għandhom jingħataw il-kumpens xieraq billi l-iskejjel pubbliċi kif ukoll dawk privati jkunu jistgħu jikkompetu għall-aħjar għalliema billi joffrulhom pakketti aktar favorevoli minn dawk eżistenti u li jitħallew jaħdmu wkoll fuq bażi freelance ma’ skejjel pubbliċi u privati, fejn ma jkunux marbuta ma’ skola waħda.
- F’każ ta’ skejjel pubbliċi, nagħtu wkoll flessibilità akbar lill-għalliema biex jużaw il-metodi tat-tagħlim li fl-opinjoni professjonali tagħhom jidhrilhom li huma l-aktar xierqa, sakemm dawn iwasslu għar-riżultati ta’ kwalità għolja mixtieqa.
Stil ta’ Edukazzjoni
- Il-Partit Popolari jemmen li l-edukazzjoni għandha tkun ta’ tħejjija għal dinja fejn l-isforz u t-talent jagħmlu differenza. Għalhekk nappoġġjaw l-użu ta’ modi xierqa ta’ assessment f’kull livell, inkluż fl-iskejjel primarji mit-tielet klassi ‘l fuq. Nemmnu li l-assessment għandu kemm jista’ jkun anonimu u oġġettiv.
- Nemmnu wkoll li l-istreaming huwa ta’ benefiċċju għall-istudenti, sakemm ma jintużax biex iwarrab studenti li jkunu jeħtieġu aktar għajnuna imma biex it-tagħlim ikun addattat aktar għall-ħtiġijiet.
- Nemmnu li għandu jerġa’ jiddaħħal u jiżdied fl-iskejjel is-sens ta’ dixxiplina u ta’ rispett, mingħajr ma jkun hemm ritorn għall-eċċessi tal-passat.
- Nemmnu li l-homework għandu jibqa’ parti mill-mod ta’ tagħlim fl-iskejjel pubbliċi f’Malta.
- Nemmnu fl-importanza tal-ispirtu ta’ intraprenditorija, li mhuwiex b’saħħtu biżżejjed f’pajjiżna. Nerġgħu nintroduċu gruppi simili għal-‘scoops’.
- Nintroduċu t-tagħlim tal-ħsieb kritiku mill-aktar livell bikri possibbli fl-edukazzjoni sekondarja, bħala prijorità ewlenija.
- Nirriformaw il-korsijiet dwar l-etika fl-iskejjel biex jgħallmu valuri bbażati fuq id-drittijiet u l-libertajiet individwali, u fuq id-dinjità tal-bniedem, minflok jgħallmu l-etika sempliċiment bħala suġġett akkademiku, fejn l-approċċi kollha, inklużi dawk purament utilitarji, jiġu ppreżentati bħala għażliet leġittimi.
- Filwaqt li ma niskoraġġux it-tagħlim ċiviku u dwar kwistjonijiet politiċi fl-iskejjel pubbliċi, naraw li dan ma jsirx b’mod żbilanċjat billi jiġu ppreżentati l-argumenti biss ta’ naħa waħda ta’ kwistjonijiet ta’ policy kkontestati. Dan ikun japplika wkoll għal diskussjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea u kull forma ta’ policy nazzjonali li fuqha jkun hemm fehmiet differenti fil-Parlament jew fis-soċjetà.
Skejjel Speċjalizzati
- Nippronu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-iskejjel tas-snajja u wkoll l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ apprentistat fuq il-mudell Ġermaniż.
- Noħolqu wkoll skola fuq livell nazzjonali għall-aktar studenti li juru talent, biex naraw li dan it-talent jingħata l-akbar opportunitajiet possibbli, għall-ġid tal-individwi kkonċernati imma wkoll tal-komunità kollha.
- Nirrieżaminaw il-politika li studenti bi bżonnijiet speċjali jingħataw l-edukazzjoni tagħhom bilfors fi skejjel mainstream, u niggwidaw ruħna mill-feedback u x-xewqat tal-ġenituri.
Awtonomija Reġjonali u Lokali
- L-iskejjel pubbliċi li jservu lokalità waħda jkunu amministrati mill-kunsilli lokali, filwaqt li l-iskejjel sekondarji pubbliċi li jkunu jservu aktar minn lokalità waħda jkunu amministrati mill-awtoritajiet reġjonali. L-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu responsabbli minn istituzzjonijiet edukattivi li jservu lill-pajjiż kollu, fosthom l-Università, il-Junior College u l-MCAST u skejjel speċjalizzati.
Il-Libertà tal-Għażla
- Nagħtu l-possibilità lill-ġenituri li jkollhom degree universitarja li jedukaw huma stess lil uliedhom (home schooling), bil-kundizzjoni li wliedhom jgħaddu mill-eżamijiet stabbiliti mill-awtoritajiet edukattivi lokali jew reġjonali rilevanti.
- Il-ġenituri jingħataw vouchers għall-ispejjeż edukattivi li jistgħu jużawhom għall-edukazzjoni ta’ wliedhom b’xejn fl-iskejjel pubbliċi jew fuq spejjeż ta’ edukazzjoni privata jew relatati ma’ home schooling.
- Inħarsu d-dritt tal-għażla tal-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fi skejjel għal studenti ta’ ġeneru wieħed.
Tagħlim tul il-Ħajja
- Jingħataw vouchers lil persuni ta’ kull età biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu korsijiet u jakkwistaw materjal edukattiv. Spejjeż oħra fuq korsijiet u materjal edukattiv ikunu deduċibbli mit-taxxa.
- Kull ħaddiem jingħata d-dritt ta’ xahar fis-sena study leave mingħajr ħlas. Fil-każ tal-ħaddiema tal-gvern, jingħata wkoll id-dritt awtomatiku ta’ tliet snin study leave addizzjonali, li jistgħu jintużaw matul il-karriera, jew f’daqqa jew f’perjodi differenti, dejjem bi preavviż xieraq.
L-Università
- Inżidu l-istipendji tal-istudenti fil-livell terzjarju, li tħallew jitnaqqru bl-inflazzjoni matul is-snin sakemm ġew kważi fix-xejn. Naraw li dawn jerġgħu jilħqu l-livelli ferm ogħla f’termini ta’ purchasing power li kellhom fil-passat.
- Il-kors tas-systems of knowledge jiġi ffukat għal kollox fuq il-forniment ta’ għodod essenzjali għat-tagħlim f’livell għoli, fosthom l-epistemoloġija, il-loġika, il-qari kritiku, l-istatistika u l-filosofija tax-xjenza. Din il-kwalifika tkun obbligatorja għall-istudenti kollha, inklużi dawk li tapplika għalihom il-klawżola tal-maturità.
- Niddepolitiċizzaw dipartimenti u fakultajiet tal-Università li l-missjoni tagħhom m’għadhiex dik tar-riċerka u l-edukazzjoni imma saret waħda purament ideoloġika.
- Minflok tiġi ffinanzjata direttament mill-gvern, l-Università ta’ Malta tikseb il-finanzjament tagħha mingħand l-istudenti, li jirċievu vouchers għal dan l-għan mingħand il-gvern, li jistgħu jintużaw ukoll f’faċilitajiet edukattivi oħra akkreditati kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, sakemm dawn ikunu jwasslu għal degree minn università akkreditata.
- L-istudenti jkollhom l-għażla li jagħmlu biss l-eżamijiet għal korsijiet fl-Università ta’ Malta mingħajr ma jieħdu wkoll it-tuition fiha, b’hekk ikunu jistgħu jistudjaw waħedhom jew ma’ lecturers/istituzzjonijiet ta’ tagħlim tal-għażla tagħhom. Nintroduċu wkoll flessibilità akbar fl-istruttura tal-korsijiet biex wieħed ikun jista’ jistudja aktar bil-pass tiegħu u wkoll jagħmel il-kors waqt li jaħdem.
- Tiżdied ħafna l-għażla ta’ korsijiet billi l-istudenti jkunu jistgħu jgħaqqdu moduli f’degrees differenti, inklużi degrees ad hoc.
- L-Università tagħmilha bħala prijorità għaliha li l-istudenti jkunu esposti ħafna aktar milli huma llum għal informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol, u li jkun disponibbli għalihom indiċi tal-pagi potenzjali assoċjati mal-kwalifiki differenti offruti.
- Noħolqu entità separata għal kollox mill-Università ta’ Malta biex tamministra l-campus universitarju fl-Imsida u fil-Belt. Il-campus ikun jista’ jintuża mill-Università bi ħlas, imma wkoll minn entitajiet edukattivi oħra akkreditati fil-livell universitarju li jkunu qed jgħallmu korsijiet li jwasslu għal degrees ta’ universitajiet oħra. Nemmnu li l-campus universitarju qiegħed hemm biex iservi lill-istudenti u mhux lill-Università ta’ Malta nnifisha.
- Naraw li l-campus universitarju jkun spazju ta’ pluraliżmu, ħsieb u espressjoni ħielsa u wkoll ta’ dibattitu ħieles, u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet li jħallu ideat differenti jikkompetu.
- Isir investment qawwi fil-librerija fil-campus universitarju biex din tkun waħda fost l-aqwa libreriji akkademiċi fl-Ewropa. Filwaqt li din tagħti s-servizzi tagħha b’xejn lill-istudenti fil-livell terzjarju residenti f’Malta, gradwati ta’ universitajiet lokali u barranin li huma residenti f’Malta jitħallew jabbonaw għas-servizzi tal-Librerija tal-Università bi ħlas raġonevoli.