NIBNU EKONOMIJA GĦALL-ĦADDIEM MINFLOK INŻIDU L-ĦADDIEMA GĦALL-EKONOMIJA

Ekonomija

Nemmnu fil-libertà ekonomika u fir-rispett tal-proprjetà privata. Aħna konvinti li r-rwol tal-istat mhuwiex li jwettaq huwa stess attivitajiet ekonomiċi, imma li joħloq il-qafas xieraq għal attività ekonomika sostenibbli u kompatibbli mal-ħtiġijiet ewlenin tal-pajjiż.

Għalkemm nirrispettaw id-dritt taċ-ċittadin Malti li jgawdi bis-sħiħ il-frott tal-ħidma tiegħu, irridu mmorru lil hinn minn ekonomija bbażata fuq konsum għami għal waħda aktar sostenibbli u li tissodisfa aħjar il-prijoritajiet veri tal-komunità u tal-individwi.

Naspiraw ukoll li nrawmu ekonomija li ma tkunx ibbażata fuq skemi ta’ evitar ta’ regolamentazzjoni u taxxi ta’ pajjiżi oħra. Minflok, irridu li l-enfasi jitqiegħed fuq firxa diversifikata ta’ attivitajiet ekonomiċi li tassew iseħħu f’Malta u li jipprovdu valur reali għall-konsumatur lokali u barrani.

Għaliex nemmnu li l-iskop tat-tkabbir ekonomiku għandu jkun it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-maġġoranza taċ-ċittadini, u għaliex nifhmu l-limiti tad-daqs ta’ pajjiżna, irridu nrawmu ekonomija bbażata fuq il-valur miżjud għoli, u mhux waħda bbażata fuq il-volum.

Irridu fuq kollox ekonomija nadifa fejn is-settur informali jispiċċa u jiġi sostitwit b’settur formali li ma joħnoqx attivitajiet ekonomiċi żgħar b’taxxi u regolamentazzjoni eċċessivi.

Libertà Ekonomika

  1. Innaqqsu l-ogħla rata tat-taxxa fuq l-introjtu għal 20%, u nneħħuha kompletament għad-dħul taħt l-20,000 ewro, filwaqt li nintroduċu taxxa ta’ 1% fuq l-assi netti ’l fuq minn 5 miljun ewro, taxxi akbar fuq it-tniġġis u VAT ogħla fuq prodotti u servizzi ta’ lussu. Fl-istess waqt, niżguraw li tinġabar it-taxxa kollha dovuta billi nsaħħu l-poteri investigattivi tal-awtoritajiet tat-taxxa Maltin. Naraw ukoll li tieqaf il-ħela kbira ta’ fondi pubbliċi f’kull qasam tal-gvern.
  2. Biex ninkoraġġixxu liċ-ċittadini sabiex jinvestu fil-futur finanzjarju tagħhom, neżentaw mit-taxxa fuq id-dħul il-gwadanji kapitali fuq investimenti lokali u barranin li jkunu nżammu għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin.
  3. Niffaċilitaw l-użu f’Malta tal-kriptomuniti ewlenin, filwaqt li nistabbilixxu l-miżuri xierqa ta’ ħarsien kontra l-ħasil tal-flus. Nagħmlu wkoll it-tibdil xieraq għas-sistema tat-taxxa biex naraw li din ma tippenalizzax l-użu tal-kriptomuniti għat-tranżazzjonijiet, imma tittrattahom bħal ma tittratta muniti barranin oħra.

Ekonomija għas-Servizz taċ-Ċittadin

  1. Sabiex naraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tkomplix tinbena fuq mudell ta’ pagi baxxi u ta’ valur miżjud baxx qegħdin nipproponu rduppjar tal-paga minima mqassam fuq perjodu ta’ għaxar snin (minbarra ż-żidiet b’kumpens għall-għoli tal-ħajja).
  2. Biex ninkoraġġixxu t-tkabbir ta’ attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud għoli, nistabbilixxu inċentivi fiskali għal kumpaniji li l-paga medja tagħhom tkun sostanzjalment ogħla mill-paga medja nazzjonali.
  3. Sabiex l-ispirtu imprenditorjali jixxerred ukoll fost il-ħaddiema, se nistabbilixxu rata massima tat-taxxa fuq l-introjtu ta’ 10% fuq introjtu minn ishma f’kooperattivi tal-ħaddiema. Sejrin ukoll nagħtu lill-kooperattivi prijorità fl-akkwist pubbliku u se ninkoraġġixxu lil ħaddiema statali biex iwaqqfu kooperattivi u jipprovdu servizzi pubbliċi b’aktar awtonomija u effiċjenza, għall-benefiċċju ekonomiku tagħhom u tas-soċjetà.
  4. Se nwaqqfu uffiċċju tal-kompetizzjoni b’saħħtu li jara li ma jkunx hemm abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq Malti u li ma jinħolqux ostakli artifiċjali għad-dħul ta’ operaturi ġodda fis-swieq Maltin. Se nistabbilixxu wkoll limitu massimu ta’ sehem mis-suq ta’ 30% għal setturi ekonomiċi fejn jeżistu barriers to entry għolja.
  5. Inqisu s-servizzi bankarji bħala dritt tal-bniedem, u noħolqu korp ta’ appell fejn id-deċiżjonijiet tal-banek li jeskludu individwi jew entitajiet mis-servizzi bankarji jkunu jistgħu jiġu riveduti, fid-dawl ta’ kriterji magħżula mill-banek stess imma li jridu jiġu approvati mir-regolatur.

Ekonomija Nazzjonali, Soda u li Tħares lejn il-Futur

  1. Nemmnu li politika monetarja soda hija essenzjali għall-istabbiltà ekonomika. Għalhekk, naraw lil l-persuna magħżula biex tmexxi l-Bank Ċentrali ta’ Malta u tirrappreżentah fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew tkun waħda li tħaddan din il-politika.
  2. Se naħdmu biex, fuq perjodu ta’ snin, innaqqsu d-dipendenza tal-ekonomija Maltija fuq is-settur tal-evażjoni u l-evitar ta’ taxxi u regolamentazzjoni barranin, u naraw li dan is-settur ma jimbuttax ’il barra attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli u li jikkontribwixxu aktar għall-prosperità fit-tul taċ-ċittadini Maltin.
  3. Sabiex inħarsu s-sostenibbiltà tal-ekonomija Maltija, naraw li s-setturi strateġiċi kollha (fosthom l-agrikoltura, l-enerġija u l-industrija) jibqgħu joperaw minn Malta u li ma nsirux dipendenti b’mod eċċessiv fuq pajjiżi barranin, inklużi dawk li magħhom għandna l-aktar rabtiet mill-qrib. Billi l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprekludi l-protezzjoni ta’ dawn is-setturi jew l-għajnuna diretta għalihom, dan nagħmluh billi noħolqu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-prosperità ta’ dawn is-setturi, fosthom billi ninkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ħiliet avvanzati f’dawn l-oqsma (mhux l-inqas billi noffru l-aqwa korsijiet u wkoll inċentivi fiskali fit-tul lill-gradwati f’dawn l-oqsma) u wkoll permezz tal-aqwa servizzi ta’ appoġġ, fosthom riċerka rilevanti għall-progress tal-operaturi ekonomiċi Maltin f’dawn l-oqsma.
  4. Sabiex inkattru u ninkoraġġixxu l-ispirtu imprenditorjali f’Malta, se npoġġu enfasi qawwija fis-sistema edukattiva tagħna, f’kull livell, fuq il-ħiliet u l-mod ta’ ħsieb imprenditorjali.
  5. Se nagħtu ħelsien sħiħ mit-taxxa lil imprendituri żagħżagħ, sal-età ta’ 35 sena, fuq il-qligħ kollu tagħhom min-negozju, jekk ikunu qegħdin jimpjegaw għallinqas ħaddiem wieħed fuq bażi full-time.
  6. Se naħdmu bis-sħiħ biex nagħmlu realtà l-ħolma li Malta ssir “silicon island”. Għaldaqstant, se nagħtu inċentivi fiskali kbar u fit-tul lil kumpaniji li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (R&D) f’Malta.

Setturi Ekonomiċi Speċjali

  1. Se nagħmlu ħilitna biex naċċelleraw it-tranżizzjoni minn turiżmu tal-massa, li mhuwiex adattat għaċ-ċokon ta’ Malta u jbaxxi minflok jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, għal turiżmu ta’ kwalità ferm ogħla. Għaldaqstant, il-ħidma u l-investiment tal-Awtorità tat-Turiżmu jiġu riorjentati lejn din il-kategorija.
  2. Jiġi stabbilit limitu massimu fuq il-kmamar f’lukandi li huma anqas minn 5-star, u ma jingħatawx permessi għal lukandi ġodda f’dawn il-kategoriji jekk dan il-limitu massimu jkun inqabeż.
  3. Insaħħu l-inċentivi fuq ir-restawr ta’ bini antik, biex ikomplu jitkattru boutique hotels li jiffavorixxu turiżmu li jixraq aktar għall-karatteristiċi ta’ pajjiżna.
  4. Inżidu ferm l-investiment fit-taħriġ ta’ livell għoli ta’ studenti fil-qasam tal-catering u tat-turiżmu u dawn jingħataw ukoll inċentivi fiskali fit-tul jekk itemmu l-istudju tagħhom fil-qasam.
  5. Fil-qasam tal-agrikoltura naraw li jsir użu aħjar mill-art agrikola, billi ninfurzaw bis-sħiħ, u nsaħħu, ir-regolamenti eżistenti dwar l-użu tal-art.
  6. Nintroduċu inċentivi favur il-konsolidazzjoni tal-art agrikola, biex il-bdiewa jkunu jistgħu jaħdmu plots kontigwi akbar, bil-benefiċċji ekonomiċi li dan iġib miegħu.
  7. Artijiet agrikoli kontigwi ma jkunux jistgħu jinqasmu fil-wirt jew jinbiegħu separatament.
  8. Tiġi imposta taxxa fuq artijiet agrikoli mhux użati għal skopijiet agrikoli.
  9. Insaħħu l-investiment fir-riċerka mill-gvern dwar l-agrikoltura f’Malta u dwar tekniki agrikoli rilevanti għal Malta biex inżidu l-produttività ta’ dan is-settur, fost dawn l-aquaponics u l-hydroponics.
  10. Nagħtu inċentivi fiskali fit-tul lil gradwati fil-qasam tal-agrikoltura u wkoll lil persuni li jkunu ħadmu fis-settur agrikolu għal ħames snin jew aktar.
Follow by Email
Facebook
Twitter