Governanza
L-għan tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż għandu jkun li jħarsu l-interessi kollettivi tal-poplu Malti u li jimplimentaw ir-rieda tal-poplu, espressa demokratikament. Wasal iż-żmien li nimxu ’l quddiem minn mudell ibbażat fuq ir-rappreżentanza indiretta u l-konċentrazzjoni tas-setgħa f’idejn il-ftit għal wieħed ibbażat fuq rwol dirett minn ċittadini infurmati, u tqassim xieraq tas-setgħa bejn l-istituzzjonijiet differenti u s-saffi differenti tal-gvern.
Ċittadinanza
- Nestendu d-dritt taċ-ċittadinanza lil dawk kollha li huma dixxendenti ta’ ċittadini Maltin jew ta’ persuni li twieldu f’Malta qabel ma pajjiżna sar stat indipendenti.
- Nopponu kull tentattiv biex iċ-ċittadinanza Maltija tiġi estiża lil persuni li ma jissodisfawx għallinqas waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kemm jekk għall-flus, kif ukoll jekk le.
- Nissostitwixxu l-iskema IIP bi programm imsaħħaħ ta’ appoġġ għal investituri barranin f’Malta bbażat fuq residenza permanenti irrevokabbli u ereditarja li ma ġġorrx magħha d-dritt tal-vot f’elezzjonijiet politiċi nazzjonali u Ewropej, iżda biss f’dawk lokali.
Il-President
- Nipproponu bidla fil-Kostituzzjoni sabiex il-President tar-Repubblika jiġi elett direttament, u jkollu rwol ewlieni fir-rappreżentanza tal-Istat Malti u fi kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Il-President jingħata s-setgħa tal-veto fuq ir-ratifika tat-trattati internazzjonali u jkollu wkoll is-setgħa tal-veto fuq il-ħatriet tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, tal-Ambaxxaturi u tal-Kap tal-Forzi Armati. Il-President jirrappreżenta lil Malta f’laqgħat internazzjonali u Ewropej ta’ kapijiet ta’ stat u gvern. Jissaħħaħ ukoll ir-rwol tiegħu bħala garanti kostituzzjonali, billi jingħata veto fuq il-ħatra u t-tneħħija ta’ mħallfin u maġistrati.
Il-Parlament
- Bil-għan li niżguraw kontroll aktar dirett u regolari miċ-ċittadini tal-fergħat eżekuttivi u leġiżlattivi tal-gvern, nipproponu tnaqqis fit-terminu tal-Parlament għal erba’ snin.
- Nipproponu li r-ratifika tat-trattati internazzjonali tkun teħtieġ l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament. Nipproponu wkoll li tingħata l-opportunità liċ-ċittadini sabiex jitolbu referendum dwar ir-ratifika.
- Nipproponu l-ħolqien ta’ Kamra tar-Reġjuni li jkollha s-setgħa tal-veto fuq kull leġiżlazzjoni għajr dik finanzjarja jew dik li tirrigwarda trattati internazzjonali.
Il-Qrati
- Bil-għan li niżguraw kontroll demokratiku xieraq fuq is-sistema ġudizzjarja nipproponu li l-imħallfin jerġgħu jibdew jiġu appuntati u mneħħija mill-Parlament, bis-saħħa tal-veto f’idejn il-President, u mhux aktar jappuntaw lil xulxin mingħajr accountability demokratika.
Is-Sussidarjetà
- Nipproponu li jiddaħħal il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, sabiex ċittadini u gvernijiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jwaqqfu tentattivi mill-gvern ċentrali sabiex jilleġiżla u jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza lokali jew reġjonali biss.
- Nipproponu li r-reġjuni ta’ Malta jkollhom is-setgħa li jistabbilixxu dokumenti kostituzzjonali li jirregolaw it-tmexxija interna tagħhom.
- Bħala partit, nimpenjaw ruħna li nagħtu awtonomija sħiħa lill-fergħat reġjonali u lokali tal-partit tagħna fi kwistjonijiet interni tar-reġjuni u lokalitajiet tagħom, sakemm l-għażliet tagħhom ikunu konformi mal-Pilastri tal-Partit Popolari.
Ir-Referendum
- Nipproponu l-użu aktar wiesa’ tar-referendum bħala għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet importanti. Nagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jitolbu referendum, u nestendu l-ambitu tar-referendums billi nintroduċu r-referendum propożittiv u nneħħu l-eċċezzjonijiet eżistenti għar-referendum abrogattiv.
Il-Partiti
- Nimpenjaw ruħna bħala partit li f’kull forum li nkunu rrappreżentati fih, nużaw il-vot tagħna skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilna mill-membri sakemm dawn ikunu konformi mal-Pilastri tal-Partit Popolari, il-prinċipji bażiċi li fuqhom huwa mibni l-partit.
- Nopponu l-finanzjament pubbliku tal-partiti u naraw li l-mudell ta’ finanzjament eżistenti tal-partiti, ibbażat fuq l-iskambju ta’ favuri politiċi ma’ finanzjament, jiġi sostitwit b’wieħed mibni fuq il-volontarjat u l-attiviżmu politiku miċ-ċittadini.
Indafa Politika
- Nipproponu pakkett komprensiv ta’ miżuri maħsuba biex jinqata’ l-fenomenu tax-xiri tal-voti, ipprattikat mill-partiti tradizzjonali. Nindirizzaw kemm l-impjegar ta’ persuni mal-gvern qabel l-elezzjonijiet, kif ukoll wegħdiet politiċi li jieħdu l-forma espliċitament ta’ għotjiet ta’ flus jew vouchers lill-votanti.
- Nipproponu li tinqata’ kważi kompletament il-prattika tad-direct orders, li hija s-sors ta’ serq legalizzat ta’ flus il-poplu, u li hija pprattikata ugwalment miż-żewġ partiti tradizzjonali.
Gvern Lokali
Il-Partit Popolari jemmen li s-setgħa għandha tigi mferrxa fil-komunità, allura anqas ma jkun hemm poteri f’idejn il-gvern ċentrali aktar aħjar.
Il-Partit Popolari jemmen bis-sħiħ fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li s-setgħa qatt m’għandha tiġi ċċentralizzata bla bżonn. Fil-prattika dan ifisser li jekk kwistjoni tkun tikkonċerna l-aktar lil lokalità waħda, għandha tiġi deċiża minn dik il-lokalità. Jekk tikkonċerna aktar minn lokalità waħda imma mhux aktar minn reġjun wieħed, tiġi deċiża mir-reġjun ikkonċernat. Jekk tikkonċerna aktar minn reġjun wieħed, tkun deċiża fuq il-livell nazzjonali.
Jemmen ukoll li l-legalità hija valur ewlieni, allura minkejja d-deċentralizzazjoni xorta jrid ikun hemm mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sabiex iservu ta’ għassiesa fuq l-awtoritajiet ċentrali u lokali.
Għawdex
- Nipproponu li Għawdex jingħata l-jedd li jiggverna lilu nnifsu, filwaqt li jibqa’ jifforma parti integrali mill-istat u min-nazzjon Malti. Għalhekk, nipproponu bidla fil-Kostituzzjoni li tagħti lil gvern Għawdxi, elett mill-Għawdxin, ir-responsabbiltà għall-oqsma kollha ta’ politika għajr l-affarijiet barranin u d-difiża.
- Nipproponu l-ħolqien ta’ status ta’ “Gozo permanent resident” li jingħata lil min ikun imwieled Għawdex jew ikun għex għal mill-inqas għaxar snin f’Għawdex. Dan l-istatus ikun jippermetti li wieħed jivvota f’elezzjonijiet Għawdxin (jekk ikun ukoll ċittadin Malti) u li jixtri proprjetà f’Għawdex.
- Nipproponu li Għawdex ikollu l-possibilità li jagħżel hu stess jekk jibqax parti mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jibqa’ dejjem parti mill-Istat Malti. Dan fuq il-mudell ta’ bosta gżejjer u territorji ta’ membri oħra tal-Unjoni Ewropea, bħall-Faroe Islands, Greenland, il-gżejjer u t-territorji ekstra-Ewropej ta’ Franza u l-Olanda u, sa ftit ilu, ic-Channel Islands u l-Isle of Man.
Il-Gvernijiet Reġjonali
- Nipproponu li l-gżira ta’ Malta tinqasam fi tliet regjuni: it-Tramuntana, iċ-Ċentru u n-Nofsinhar, minflok l-erbgħa eżistenti. Ir-Reġjun taċ-Ċentru jkun ikopri ż-żona urbana estiża ta’ madwar il-Port il-Kbir u jkollu r-responsabbiltà partikolari li jipprovdi s-servizzi u l-infrastruttura meħtieġa għal belt imdaqqsa b’madwar kwart ta’ miljun abitant.
- Kull regjun ikollu gvern elett direttament miċ-ċittadini residenti f’dak ir-reġjun.
- Iċ-ċittadini f’kull reġjun ikollhom il-jedd li jitolbu referendum fir-reġjun tagħhom dwar kull kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-gvern reġjonali tar-reġjun tagħhom. Il-gvern reġjonali kkonċernat ikun obbligat li jorganizza referendum f’dan il-każ, u jista’ wkoll isejjaħ huwa stess referendums fuq inizjattiva tiegħu.
- Ir-reġjuni jingħataw is-setgħat kollha f’kull qasam (għajr l-affarijiet barranin u d-difiża) fi kwistjonijiet li ma jkunux jikkonċernaw b’mod primarju l-interessi ta’ aktar minn reġjun wieħed iżda li jkunu jikkonċernaw l-interessi ta’ aktar minn lokalità waħda f’dak ir-reġjun.
- Is-setgħat tal-gvernijiet reġjonali, suġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, ikunu jkopru oqsma bħall-edukazzjoni, il-pulizija, l-infrastruttura, is-saħħa, il-housing, it-turiżmu u l-ekonomija.
- Il-gvern ċentrali jibqa’ jkollu r-rwol ewlieni fi kwistjonijiet fejn ikunu primarjament ikkonċernati l-interessi tal-pajjiż kollu.
- Kull reġjun jirċievi ammont proporzjonali għall-popolazzjoni tiegħu mill-fondi allokati għar-reġjuni mill-gvern ċentrali. Kull reġjun ikollu wkoll il-possibilità li jaħdem sabiex jaċċedi fondi mill-EU u dawn jintużaw fit-territorju tiegħu.
- Il-ħidma tal-gvernijiet reġjonali trid tiġi sottomessa għal proċess ta’ awditjar superviżjonat mill-gvern ċentrali.
Il-Kunsilli Lokali
- Jiżdied in-numru ta’ kunsilliera lokali, sabiex tiżdied u tkun aktar diretta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tmexxija tal-lokalità tagħhom.
- Iċ-ċittadini f’kull lokalità jkollhom il-jedd li jitolbu referendum fil-lokalità tagħhom dwar kull kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-kunsill lokali tal-lokalità tagħhom. Il-kunsill lokali kkonċernat ikun obbligat li jorganizza referendum f’dan il-każ, u jista’ wkoll isejjaħ huwa stess referendums fuq inizjattiva tiegħu.
- Il-kunsilli lokali jiżdidulhom is-setgħat fl-oqsma kollha fejn hi kkonċernata primarjament lokalità waħda biss. Jiżdied ukoll il-finanzjament li jirċievu b’mod proporzjonali.
- Nipproponu li l-kunsilli lokali jkollhom is-setgħa li jwaqqfu progetti ta’ żvilupp, wara li jikkonsultaw mar-residenti tal-lokalità u mal-kunsilli amministrattivi li jirrappreżentaw lir-residenti taż-żona kkonċernata.
- F’każ ta’ proġetti meqjusa bħala neccessarji u li se jkollhom impatt negattiv fuq il-lokalità, il-gvern ċentrali jew reġjonali għandu jħallas kumpens xieraq lill-kunsill u dan il-kumpens jintuża sabiex jindirizza l-bżonnijiet tal-komunità lokali.
- Il-ħidma tal-kunsilli trid tiġi sottomessa għal proċess ta’ awditjar superviżjonat mill-gvern ċentrali.
Il-Kumitati Amministrattivi
- Nipproponu li l-kumitati amministrattivi, li jirrappreżentaw żoni fil-lokalità u jiġu eletti mir-residenti ta’ dawn iż-żoni, jinżammu u jissaħħu.
- Ir-rwol tagħhom ikun wieħed konsultattiv, imma jingħata l-piż xieraq mil-livelli l-oħra tal-gvern f’każijiet li jirrigwardaw dik iż-żona b’mod partikolari, inklużi f’deċiżjonijiet dwar permessi għall-iżvilupp.
- Permezz tal-kumitati amministrattivi, għandu jiġu organizzat forum sabiex il-komunità tkun tista’ tiddiskuti regolarment issues politiċi li jaffettwaw il-ħajja tagħha.