INWETTQU POLITIKA TAL-IŻVILUPP, AMBJENTALI U KULTURALI LI TIRRISPETTA L-WIRT TAGĦNA U TĦEJJINA GĦALL-FUTUR

Ippjanar, Infrastruttura u Ambjent

Nemmnu li l-istrateġija tal-iżvilupp tal-ambjent fiżiku ta’ pajjiżna għandha tkun immirata mhux biss lejn it-tkabbir ekonomiku, imma lejn il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin, kemm fiż-żoni urbani, kif ukoll fil-bqija tal-pajjiż.

Nemmnu wkoll fl-importanza tas-sostenibilità, biex inkunu nistgħu ngħaddu lill-ġenerazzjoni li jmiss pajjiż fi stat san daqs jew aktar minn dak li rċevejna.

Ippjanar

  1. Nagħmlu ħilitna biex l-art ODZ tingħata protezzjoni fil-Kostituzzjoni.
  2. Nagħtu l-jedd lill-Kunsilli lokali li joġġezzjonaw u jwaqqfu kull żvilupp fil-lokalità tagħhom.
  3. Ma nagħtux permessi għal binjiet high-rise barra miż-żona urbana ta’ madwar iż-żewġ portijiet.
  4. Nistabbilixxu multi għoljin u dissważivi fuq is-sidien ta’ binjiet li ma tlestewx jew li jinsabu fi stat dilapidat. Nistabbilixxu wkoll taxxi fuq proprjetajiet vojta, għajr residenza waħda ta’ villeġġatura.
  5. Sabiex blokok ta’ flats qodma jkunu jistgħu jiġu restawrati jew mibnija mill-ġdid, fejn ikun hemm id-domanda għal dan, nistabbilixxu sistema li permezz tagħha xerrej potenzjali jkun jista’ jagħmel offerta għall-binja kollha li tintlaqa’ jekk jaqblu 90% tas-sidien, li madankollu individwalment qatt ma jitħallsu inqas milli kieku kienet tiswa fis-suq il-proprjetà tagħhom.
  6. Biex nagħtu ċertezza lis-suq u nevitaw twaqqigħ preventiv bla bżonn ta’ binjiet, nimpenjaw ruħna li ma nwaqqfux it-twaqqigħ ta’ binjiet li għandhom inqas minn 70 sena, u li l-konservazzjoni ta’ binjiet ta’ età ta’ bejn 70 u mitt sena tkun tiddependi fuq kriterji estetiċi u storiċi, u mhux awtomatika.

Trasport

  1. Bil-ħsieb li nżidu għall-massimu l-użu tat-trasport pubbliku f’Malta, nagħmlu t-trasport pubbliku kollu f’Malta b’xejn.
  2. Naraw li t-trasport pubbliku jkun disponibbli fil-ħinijiet u fil-kwantità meħtieġa mill-utenti.
  3. Nagħrfu r-realtà stabbilita li f’Malta għandna żona urbana, li tinsab madwar iż-żewġ portijiet, li fiha tgħix madwar nofs il-popolazzjoni ta’ Malta, u li għaldaqstant għandha l-karatteristiċi ta’ belt. Għalhekk, naraw li jkun hemm awtorità reġjonali waħda responsabbli għall-infrastruttura reġjonali ta’ din iż-żona, mhux l-anqas fil-qasam tat-trasport.
  4. Nemmnu li l-ħtiġijiet taż-żona urbana fil-qasam tat-trasport huma għal kollox differenti minn dawk tal-bqija tal-pajjiż, fejn id-densità tal-popolazzjoni hija ferm iżgħar. Nemmnu wkoll li f’din iż-żona huwa possibbli li nimmiraw lejn ħajja bi ftit li xejn użu ta’ karozzi, filwaqt li dan l-għan jista’ jintlaħaq biss fil-futur imbiegħed fil-bqija tat-territorju ta’ pajjiżna.
  5. Kull fejn possibbli, naraw li t-toroq ta’ quddiem il-baħar madwar iż-żona tal-portijiet kollha kemm hi jsiru żoni pedonali, b’aċċess għall-karozzi biss għar-residenti jew għall-forniment ta’ servizzi.
  6. Nistabbilixxu grilja ta’ bicycle lanes u toroq bi prijorità għall-bicycles madwar iż-żona urbana kollha, biex ikun ferm eħfef li wieħed jivvjaġġa madwar iż-żona bl-użu ta’ mezzi ħfief bħal dawn. Naraw ukoll li jkun possibbli li bicycles u mezzi ħfief simili jittellgħu fuq it-trasport pubbliku fiż-żona urbana.
  7. Inqiegħdu linja tat-tram li taqsam iż-żona urbana, u tippermetti trasport rapidu minn naħa għal oħra taż-żona. Mill-waqfiet ewlenin tat-tram jibdew u jispiċċaw linji ta’ city buses frekwenti li jmorru lejn ix-xatt u lura. Il-waqfiet tat-tram ikunu wkoll qrib tat-termini għas-sistema tal-buses nazzjonali li tgħaqqad il-lokalitajiet l-oħra fil-pajjiż maċ-ċentru.
  8. Naraw li kull lokalità f’Malta jkollha linja tat-trasport pubbliku li tgħaqqadha bl-iktar mod dirett, u bl-inqas waqfiet possibbli, mal-periferija taż-żona urbana ċentrali.

Enerġija

  1. Nemmnu bis-sħiħ fl-importanza mhux biss ta’ enerġija aktar nadifa, imma wkoll fl-importanza li pajjiżna jkollu l-akbar awtonomija possibbli fil-qasam tal-enerġija. Għalhekk, nimpenjaw ruħna li naħdmu favur sistema tal-enerġija li tkun ibbażata fuq sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari t-teknoloġija fotovoltajka.
  2. Naraw li binjiet ġodda jkunu passivi, u nagħtu wkoll inċentivi biex binjiet eżistenti jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Naraw li l-istat jipprovdi speċifikazzjonijiet ċari għal binjiet passivi fil-kuntest klimatiku Malti.
  3. Fil-kuntest tal-istorja ta’ abbuż u korruzzjoni assoċjata mal-monopolju fil-qasam tal-enerġija f’Malta, niftħu s-swieq tal-ġenerazzjoni u tat-trażmissjoni tal-elettriku għall-kompetizzjoni.

Ambjent Naturali

  1. Naraw li l-aċċess għall-pubbliku minn mogħdijiet li jgħaddu minn art privata f’żoni tal-kampanja jiġi garantit mhux biss fit-teorija imma wkoll fil-prattika. Fejn is-sidien ikunu interessati li jbigħu, nixtru lura sezzjonijiet tal-kampanja Maltija li bħalissa huma f’idejn privati biex inżidu l-ispazju aċċessibbli liberament għall-pubbliku. Fejn ikun prattikabbli, noħolqu parks nazzjonali ġodda, fuq il-mudell tal-Park Majjistral.
  2. Nirrispettaw ir-riżultat tar-referendum tal-2015 dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa u niddefendu l-istatus quo fir-rigward tal-liġijiet u regolamenti dwar il-kaċċa, kemm lokalment, kif ukoll f’forums Ewropej.

Drittijiet tal-Annimali

  1. Naraw li l-iskejjel jgħallmu lit-tfal minn età żgħira r-rispett lejn l-annimali wkoll permezz ta’ żjajjar f’shelters tal-annimali u kuntatt dirett ma’ annimali, mhux minn fuq il-kotba biss.
  2. Inżidu ferm il-penalitajiet għall-moħqrija tal-annimali, u naraw li din tintemm darba għal dejjem f’pajjiżna.
  3. Nipprovdu finanzjament adegwat għal shelters tal-annimali u, fejn hemm bżonn, naraw li jiġu pprovduti shelters tal-gvern, filwaqt li naraw li dawn ix-shelters ma jiġux abbużati minn nies li jieħdu impenn li jieħdu ħsieb pet u mbagħad jibdlu l-ħsieb tagħhom għal xejn b’xejn u b’kapriċċ. Naraw ukoll li dan l-appoġġ jingħata f’kooperazzjoni mal-voluntiera f’dan il-qasam, u li dawn ikunu jistgħu jkomplu u jżidu l-ħidma ferm siewja tagħhom permezz tiegħu.

Sport, Kultura u Wirt Nazzjonali

Nemmnu li huwa r-rwol tal-istat li jħares il-wirt kulturali Malti, kemm dak fiżiku kif ukoll dak li mhuwiex, u li jagħmel dak kollu li jista’ biex jippreżervah għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fost il-wirt kulturali ħaj ta’ pajjiżna nemmnu fuq kollox fl-importanza tal-ilsien Malti, u se naħdmu biex niffaċilitaw is-soppravivenza u wkoll l-arrikkiment tiegħu.

Nemmnu li l-istat għandu jappoġġa l-espressjonijiet tal-kultura popolari tradizzjonali u jagħtihom l-ispazju li jeħtieġu.

Nemmnu li r-rwol tal-istat fil-qasam tal-produzzjoni artistika għandu jkun limitat għal li joffri taħriġ u faċilitajiet, u wkoll li jara li fondi pubbliċi mogħtija b’appoġġ għall-arti ma jintużawx għall-propaganda politika jew ideoloġika.

Nemmnu li l-poplu Malti jixraqlu li jgawdi f’pajjiżu kollezzjonijiet tal-arti ta’ importanza Ewropea, u li dan l-investiment iħalli ġid ikbar mill-finanzjament ta’ avvenimenti kulturali artifiċjali u temporanji.

Nemmnu li l-monumenti pubbliċi qegħdin hemm biex isebbħu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u m’għandhomx ikunu mezz biex uffiċjali jew politikanti jimponu l-gosti tagħhom fuq ħaddieħor, jew biss għal espressjoni artistika individwali.

Sport u Delizzji

  1. Nimpenjaw ruħna li nibnu track tal-Formula One f’Malta fuq gżira mibnija permezz ta’ land reclamation u li noħolqu l-kundizzjonijiet biex Malta tkun ċentru ewlieni tal-motorsports fir-reġjun tal-Mediterran.
  2. Niddefendu lid-delizzji tradizzjonali f’Malta, u naraw li ma jkunx hemm impożizzjoni ta’ valuri u mod ta’ ħajja fuq il-Maltin minn barra minn Malta jew minn Maltin stess.

Wirt Storiku Materjali

  1. Infittxu li nivvalorizzaw aħjar il-Belt Valletta billi nċaqilqu l-attivitajiet amministrattivi tal-gvern mill-Belt lejn żoni oħra madwarha, u naraw li l-ħafna binjiet storiċi bħalissa okkupati mill-amministrazzjoni pubblika jintużaw għal skopijiet kulturali, fosthom sabiex jitkabbru mużewijiet eżistenti jew jitwaqqfu oħrajn ġodda, jew li għallinqas ikunu jistgħu jitgawdew aħjar mill-pubbliku.
  2. Naraw li ħafna mill-mijiet ta’ siti storiċi madwar Malta li jinsabu magħluqa, jekk mhux abbandunati, jintużaw, kemm bħala mużewijiet kif ukoll għal attivitajiet ta’ turiżmu kulturali. Nenfasizzaw b’mod partikolari ż-żona tal-Cottonera, u l-fortifikazzjonijiet tagħha, l-istazzjon u l-mina tal-ferrovija ta’ taħt l-art tal-Belt u l-Floriana, Fort Campbell, il-Victoria Lines, Fort Delimara, il-power station ta’ taħt l-art ta’ Kordin u d-diversi fortifikazzjonijiet li jinsabu madwar pajjiżna.
  3. Insaħħu l-fergħa tal-konservazzjoni ta’ Heritage Malta, u naraw li din tkun mhux biss ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tagħha, iżda wkoll ċentru ta’ tagħlim tal-konservazzjoni rinomat fl-Ewropa.
  4. Nerġgħu nibnu t-Teatru Rjal eżatt kif kien qabel twaqqa’ fil-Gwerra u nerġgħu niddedikawh għall-funzjoni oriġinali tiegħu.

Wirt Kulturali Ħaj

  1. Nagħmlu l-għarfien tal-ilsien Malti obbligatorju bil-liġi għal kull impjieg li jinvolvi kuntatt mal-pubbliku.
  2. Insaħħu r-rwol tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għal wieħed li jixbaħ lil dak tal-Académie Française, u nagħtuh il-fondi u l-prestiġju meħtieġa biex jaqdi dan ir-rwol.
  3. Naraw li l-festi tal-irħula jkomplu jingħataw il-possibilità li jiżvolġu kif għamlu matul l-aħħar mitt sena jew aktar.
  4. Ninvestu aktar fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-għana tradizzjonali Malti, u ta’ forom oħra ta’ espressjoni artistika popolari tradizzjonali.

Mużewijiet

  1. Ninvestu f’kollezzjoni nazzjonali tal-arti li tinkludi mhux biss xogħlijiet marbuta ma’ Malta imma wkoll xogħlijiet oħra ta’ importanza kulturali Ewropea biex inkunu nistgħu bħala minimu nikkompetu ma’ bliet Ewropej ta’ daqs simili għal dak ta’ pajjiżna.
  2. Naraw li awtoritajiet kulturali, inklużi mużewijiet, ma jimponux kontenut politiku jew ideoloġiku fuq avvenimenti ffinanzjati minnhom.

Appoġġ għall-Produzzjoni Artistika

  1. Naraw li fondi Ewropej għal proġetti artistiċi ma jintużawx għal proġetti li jkunu ta’ natura politika jew ideoloġika.
  2. Insaħħu l-Malta Film Fund, sabiex Malta tkompli tkun irrappreżentata dejjem aħjar f’dan il-qasam, fejn fil-passat kienet kważi assenti.
  3. Naraw li l-iskola tal-arti terġa’ tibda tgħallem il-ħiliet artistiċi bażiċi

Monumenti Pubbliċi

  1. Naraw li monumenti nazzjonali ġodda u reċenti jkunu jgawdu l-approvazzjoni tal-pubbliku u nagħmlu surveys għal dan il-għan. Naraw li ma jsirux aktar konkorsi bl-għaġla u mingħajr trasparenza, fejn ir-riżultat ikun diġà ġie deċiż minn qabel.
  2. Nipproponu aktar monumenti li jfakkru personaġġi u avvenimenti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna, u anqas monumenti għal politiċi.
  3. F’dak li jirrigwarda monumenti li m’għandhomx importanza nazzjonali jew storika, nagħtu s-setgħa lil-lokalitajiet u r-reġjuni biex jideċiedu huma dwar it-tneħħija jew iż-żamma tagħhom.
Follow by Email
Facebook
Twitter