Ażil u Immigrazzjoni Ekonomika
Għal dawn l-aħħar snin, Malta kienet iffaċċjata minn sitwazzjoni drammatika u kontinwa ta’ abbuż mis-sistema tal-ażil. Billi l-impenji internazzjonali u Ewropej ta’ Malta jobbligawha li tiftaħ il-fruntiera tagħha għal kull min ikun irid jitlob ażil, u billi huwa diffiċli ferm li min ikun daħal jintbagħat lura lejn pajjiżu, kemm jekk ikun jikkwalifika għall-ażil kif ukoll jekk le, Malta sabet ruħha bi ftit li xejn kontroll fuq min jidħol u jgħix fit-territorju tagħha.
Sadanittant, l-ekonomija Maltija llum hija ddominata minn setturi li jħaddmu lill-immigranti minn pajjiżi bi dħul inqas minn tagħna, kemm dawk li jidħlu f’Malta taħt il-kappa tas-sistema tal-ażil kif ukoll dawk li jinġiebu Malta b’kuntratti tax-xogħol jew saħansitra jidħlu f’Malta illegalment. Dawn jitħaddmu b’pagi baxxi, u permezz ta’ din il-kompetizzjoni, il-pagi tal-ħaddiem Malti nżammu baxxi wkoll, minkejja li l-ekonomija kibret b’rata mgħaġġla.
Il-Partit Popolari jimpenja ruħu li jtemm u jreġġa’ lura l-fenomenu tal-immigrazzjoni tal-massa, preferibilment permezz ta’ pakkett ta’ policies li jirrispettaw l-impenji internazzjonali u Ewropej li Malta għandha bħalissa, imma bla preġudizzju għall-possibilità li jsir tibdil għal dawn l-impenji f’każ li dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-għan aħħari.
Ażil
- Irridu nagħrfu li din il-problema tibda fil-pajjiżi tal-oriġini, u li huwa hemm li l-Unjoni Ewropea, permezz tal-fondi u tal-piż politiku tagħha, tista’ tintervjeni biex tindirizza l-fenomenu tal-migrazzoni tal-massa fl-oriġini tiegħu. Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tagħmel l-għajnuna finanzjarja kbira li tagħti lill-pajjiżi tal-oriġini kundizzjonali fuq il-kooperazzjoni sħiħa fir-ritorn ta’ ċittadini tagħhom li jkun ġie rifjutat lilhom l-ażil. L-Unjoni Ewropea tista’ tgħin ukoll ferm aktar lill-pajjiżi li qed jospitaw rifuġjati u immigranti minn pajjiżi ġirien, fir-reġjun stess minn fejn jitilqu l-immigranti. Sejrin ninsistu li din il-ħidma tingħata prijorità assoluta fil-baġit u fl-attivitajiet tal-EU.
- Irridu nindirizzaw il-problema tat-traffikar, inkluż dak li jsir għal skopijiet ideoloġiċi, l-aktar minn NGOs barranin. Ma nippermettux li l-portijiet tagħna jservu ta’ bażi għal servizzi ta’ traġitt għall-immigrazzjoni tal-massa fil-Mediterran. Nistabbilixxu kriterji ċari dwar f’liema sitwazzjonijiet l-aġir tal-NGOs li joperaw vapuri fil-Mediterran jitqies bħala traffikar.
- Nindirizzaw ukoll il-laxkezza fil-proċess tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil. Naraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu minn uffiċjali newtrali u mhux minn attivisti ggwidati minn motiv ideoloġiku. Naraw li d-deċiżjonijiet jiġu awditjati u nagħmlu wkoll ħidma ta’ follow-up biex naraw li l-ażil jitneħħa f’każijiet fejn ikun ċar li l-applikant ma kienx veritier waqt il-proċess biex kiseb l-ażil.
- Intemmu l-kategorija ta’ protezzjoni temporanja li mhijiex meħtieġa mil-liġi Ewropea jew internazzjonali u naraw li l-istatus ta’ rifuġjati u l-protezzjoni sussidjarja ma jiġġeddux fejn il-kundizzjonijiet li jkunu wasslu għall-għoti tagħhom ma jkunux għadhom validi.
- Billi s-sistema tal-ażil hija maħsuba biex tipprovdi protezzjoni biss sakemm idum il-periklu li jkun ħarab minnu min ifittex ażil, intemmu l-finanzjament ta’ kull programm maħsub biex jagħmel waħda permanenti l-preżenza ta’ persuni li jkunu jinsabu f’Malta taħt il-kappa ta’ din is-sistema, inklużi l-hekk imsejħa programmi ta’ integrazzjoni, kemm jekk iffinanzjati direttament minn fondi pubbliċi Maltin, kif ukoll jekk iffinanzjati permezz tal-Unjoni Ewropea.
- Biex innaqqsu l-immigrazzjoni irregolari għall-fini ekonomiċi, naħdmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex jintlaħaq ftehim ma’ pajjiżi terzi ta’ skambju ta’ persuni li jidħlu f’Malta biex jitolbu ażil ma’ rifuġjati li jkunu diġà jinsabu f’dawk il-pajjiżi terzi, fuq il-mudell tal-ftehim tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija. F’każ li dan ma jkunx possibbli, infittxu li nilħqu ftehim bħal dan aħna direttament, fuq bażi bilaterali. Dan inaqqas l-inċentiva ekonomika għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil milli jivvjaġġaw lejn pajjiżna mingħajr awtorizzazzjoni.
- Biex innaqqsu aktar l-inċentivi ekonomiċi għad-dħul f’Malta b’abbuż tas-sistema tal-ażil, innaqqsu l-benefiċċji mogħtija għall-minimu neċessarju, u ninfurzaw ir-regolamenti strettament, ukoll fejn tidħol l-akkomodazzjoni bla ħlas fiċ-ċentri miftuħa.
- Biex ninkoraġġixxu r-ritorn volontarju, noffru inċentivi finanzjarji sostanzjali għal persuni li jkunu jinsabu f’Malta irregolarment jew taħt il-kappa tas-sistema tal-ażil imma li jagħżlu li jirritornaw lura lejn pajjiżhom. Dawn il-ħlasijiet isiru fuq perjodu ta’ snin u jkunu kundizzjonali fuq li wieħed jibqa’ fil-pajjiż tal-oriġini.
- Naraw li dawk li jiġi rrifjutat lilhom l-ażil, u li għalhekk it-tkomplija tal-preżenza tagħhom f’Malta tkun illegali, ma jingħatawx il-permess li jaħdmu f’Malta. Nagħtu r-riżorsi kollha meħtieġa lill-pulizija biex jinfurzaw il-liġi u jaraw li persuni mingħajr il-permessi neċessarji ma jaħdmux f’Malta.
Immigrazzjoni Ekonomika
- Intemmu l-għoti ta’ permessi ta’ impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta, għajr għal numru limitat ħafna li jġibu magħhom ħiliet rari u essenzjali għall-ekonomija Maltija, u li s-salarju tagħhom irid ikun ferm ogħla mill-medja tas-salarji f’Malta. Nagħmlu biss eċċezzjoni għall-carers u persunal fil-kura tas-saħħa.
- Nindirizzaw il-problema taċ-cheap labour f’pajjiżna billi mhux biss ninfurzaw il-paga minima imma nirdoppjawha fuq perjodu ta’ għaxar snin. Nemmnu li l-attivitajiet ekonomiċi li ma jibqgħux possibbli minħabba dawn iż-żidiet mhumiex adattati għall-ekonomija ta’ pajjiż żgħir ħafna fid-daqs u b’densità għolja ta’ popolazzjoni.
- Ninfurzaw u nsaħħu wkoll ir-regolamentazzjoni dwar il-housing, u naraw li ma jkunx hemm aktar każijiet ta’ numri mdaqqsa ta’ ħaddiema barranin ippakkjati f’garaxxijiet jew appartamenti.
- Indaħħlu rekwiżit tal-għarfien tal-lingwa Maltija għal ħaddiema li jkunu f’kuntatt mal-pubbliku fix-xogħol tagħhom.
Il-Qafas ta’ Impenji Ewropej u Internazzjonali fil-Qasam tal-Ażil u l-Immigrazzjoni
- Nużaw il-vuċi ta’ Malta fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex insewwu l-eċċessi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u biex intemmu l-finanzjament bi flus pubbliċi ta’ inizjattivi u proġetti li għandhom l-effett li jagħmlu l-immigrazzjoni fenomenu permanenti u li jrażżnu d-dibattitu pubbliku dwar dan is-suġġett.
- F’każ li l-miżuri li jistgħu jsiru fil-qafas eżistenti ta’ impenji Ewropej u internazzjonali li għandha Malta ma jkunux biżżejjed biex itemmu u jreġġgħu lura l-immigrazzjoni tal-massa, nippreżentaw lill-poplu l-għażla bejn, fuq naħa waħda, l-irtirar minn dawn l-impenji, jew xi wħud minnhom, u l-konsegwenzi li dan iġib miegħu u, fuq in-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ dawn l-impenji u l-konsegwenzi li din iġġib magħha.