Politika Soċjali
Nemmnu li l-familja hija l-bażi ta’ kull struttura soċjali u kundizzjoni essenzjali biex is-soċjetà stess tkun tista’ teżisti. Għalhekk, nemmnu f’politika soċjali mibnija madwar il-familja.
Il-politika soċjali tagħna, bħall-politika kollha tagħna, hija bbażata wkoll fuq l-importanza tal-meritokrazija, tal-inċentivi, tal-inizjattiva privata u tal-għażla, kif ukoll fuq il-prinċipju li fejn possibbli, aħjar tgħallem u tagħti l-possibiltà lill-bniedem biex imantni lilu nnifsu b’dinjità milli li tagħmlu dipendenti.
Housing
- Jinħoloq fond apposta mnejn koppji miżżewġin li huma first time buyers li wieħed minnhom ikun residenti fit-tul Malti u taħt l-età ta’ erbgħin sena jkunu jistgħu japplikaw għal self mingħajr imgħax (sa massimu ta’ €30,000 fuq proprjetajiet ġodda u €60,000 fuq proprjetajiet eżistenti). Dan is-self ikun għal għoxrin sena u l-ħlas lura tiegħu jiġi sospiż għal sentejn mal-ewwel wild jekk dan iseħħ fl-ewwel ħames snin mid-data tal-bidu tas-self u għal sentejn oħra ma’ wild ieħor. Jekk ikun hemm it-tielet wild, is-self jinbidel f’sussidju, jiġifieri dak li jkun għad fadal minnu ma jkollux għalfejn jitħallas lura. Ġenituri li ma jistax ikollhom tfal u jiddeċiedu li jaddottaw, ikunu jistgħu jgawdu minn din il-miżura wkoll.
- Issir riforma tal-kera, fejn fost miżuri oħra, dawk li jikru lil koppji miżżewġin taħt l-età ta’ erbgħin sena, li wieħed minnhom ikun residenti fit-tul Malti, jiġu ntaxxati bil-5% fuq dak id-dħul.
- Tintemm kull skema li tinvolvi l-bejgħ ta’ housing soċjali lill-inkwilini, sabiex l-istokk ta’ housing soċjali f’idejn il-gvern jibqa’ kostanti mingħajr il-ħtieġa ta’ proġetti kbar ġodda li ftit li xejn fadal art għalihom f’Malta. Minflok din l-iskema, tiddaħħal skema ta’ parteċipazzjoni fl-ekwità, fejn il-gvern jgħinek tixtri proprjetà mis-suq billi jixtri terz mill-proprjetà u jżomm kera proporzjonali, filwaqt li inti tixtri ż-żewġ terzi l-oħra. Is-sehem tal-gvern jista’ jinfeda fi kwalunkwe żmien bil-prezz tas-suq. Din l-iskema tkun tapplika għal koppji miżżewġa sal-età ta’ erbgħin sena, li wieħed minnhom ikun residenti fit-tul f’Malta. Tliet punti perċentwali mill-ekwità tal-gvern jiġu ttrasferiti lill-koppja ma’ kull wild.
- Sabiex naraw li jkun hemm użu aħjar tal-ispazju fiżiku limitat ta’ gżiritna, nintroduċu taxxi fuq proprjetajiet immobiljari mhux użati, fejn kull persuna jista’ jkollha proprjetà waħda biss vojta mingħajr ma tħallas taxxa fuqha.
- Indaħħlu regolamenti ċari fuq kemm jistgħu joqogħdu nies fl-istess proprjetà, skont id-daqs tagħha, u naraw li dawn jiġu infurzati.
Il-Familja
- Naraw li fuq perjodu ta’ għaxar snin ir-rata tal-fertilità f’pajjiżna tiżdied minn 1.1 għal 2.1, li hu l-livell li jagħti stabbiltà demografika lis-soċjetà tagħna. Nagħmlu l-investiment kollu meħtieġ biex naraw li dan l-għan jinkiseb.
- Flimkien maċ-children’s allowance eżistenti, jingħata kreditu tat-taxxa ta’ EUR 300 fix-xahar għal kull wild.
- Ġenituri li għandhom wild wieħed jingħataw ġurnata żejda ta’ btala mħallsa fis-sena, mentri ġenituri b’żewġ ulied jingħataw tliet ijiem żejda u dawk bi tliet ulied jew aktar ħamest ijiem żejda.
- Iċ-children’s allowance jiżdied kull sena id f’id mar-rata tal-inflazzjoni, u għalhekk dan jiżdied bis-somma tal-COLA.
- Il-benefiċċju tal-maternità jiġi estiż għal 24 ġimgħa.
- Fis-servizz ċivili jingħata unpaid leave ta’ ħames snin għal kull wild, li jista’ jinqasam bejn il-ġenituri jekk it-tnejn ikunu uffiċjali pubbliċi.
- Il-ġenitur li jagħżel li jieqaf mix-xogħol sabiex joqgħod id-dar irabbi l-ulied, fejn ikun hemm mill-inqas tliet ulied, jingħata ħlas ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali. Din il-miżura tieqaf hekk kif it-tfal kollha jilħqu l-età uffiċjali tat-tluq mill-iskola. Wara li jidħol lura fid-dinja tax-xogħol, dak il-ġenitur igawdi minn eżenzjoni fuq l-income tax għal għaxar snin.
- Fejn ikun hemm persuni b’diżabilità severa fil-familja, il-ġenitur/gwardjan legali responsabbli minn din il-persuna jingħata tax rebate daqs il-paga minima nazzjonali.
- Iċ-ċivil jaddotta sistema fejn l-impjegati jkunu jistgħu jqattgħu jumejn fil-ġimgħa jaħdmu mid-dar permezz tar-remote working f’dawk ix-xogħlijiet fejn dan huwa possibbli.
- Filwaqt li nkomplu l-free childcare scheme, naraw li ma jkunx hemm waiting lists għad-dħul f’childcare centres billi, jekk ikun meħtieġ, nibnu ċentri tal-gvern kemm hemm bżonn sakemm id-domanda kollha tkun issodisfata.
Anzjani - Ħadd ma jista’ jieħu ħsieb l-anzjani aħjar mill-familja tagħhom. Għajnuna mill-gvern tingħata biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fi ħdan il-familja tagħhom, jew għal rashom bl-għajnuna tal-familjari tagħhom stess. Dan ifisser tnaqqis kbir fl-ispiża tal-gvern. Għalhekk, min ikun innominat biex jieħu kura ta’ xi anzjan/anzjani dipendenti jingħata l-għajnuna f’forma ta’ sussidju ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima (din tingħata diġà lil min jimpjega carer).
- Nassenjaw social workers għall-anzjani ta’ fuq l-età ta’ 80 sena u li jgħixu waħedhom biex jaraw li dawn ikunu qegħdin jirċievu l-għajnuna kollha dovuta lihom u li jiġu indirizzati l-bżonnijiet soċjali tagħhom.
- Min hu nannu jew nanna ikollu l-għażla li jirtira wara 38 sena ħlas tas-sigurtà soċjali biex ikun jista’ jqatta’ aktar ħin fit-trobbija tan-neputijiet u nħajruhom sabiex ikunu jistgħu joffru aktar ħin minn ħajjithom f’xogħol volontarju fil-komunità.
Pensjonijiet
- Inneħħu immedjatament l-inġustizzja li l-pensjonijiet tas-servizz u pensjonijet oħra li wieħed ikun ikkontribwixxa għalihom jitnaqqsu mill-pensjoni nazzjonali, u b’hekk ma jitgawdewx minn min ikun ikkontribwixxa għalihom.
- Naraw li minn dan il-punt ’il quddiem, is-sistema tal-pensjonijiet Maltija tkun waħda fully funded u mhux aktar pay-as-you-go. Dan ifisser li jitwaqqaf fond ta’ investiment u li dan jinżamm dejjem f’bilanċ attwarjali għal kull grupp ta’ kontributuri skont l-età, permezz ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-gvern. L-iskema b’hekk ma tkunx tiddependi fuq żviluppi demografiċi.
- Ir-romol ikollhom id-dritt li jirtu l-pensjoni sħiħa li kellhom żwieġhom.
- Nintroduċu t-tieni pilastru tal-pensjonijiet, fejn l-impjegaturi jkollhom jagħtu kontribuzzjonijiet daqs dawk tal-ħaddiema. Il-kontribuzzjoni massima taħt din l-iskema tkun 10% tal-paga. Dawn il-fondi jistgħu jiġu investiti fil-fond nazzjonali tal-pensjonijiet jew f’fondi tal-pensjonijiet privati.
- Insaħħu t-tielet pilastru tal-pensjonijiet billi neżentaw għal kollox mit-taxxa investimenti mqiegħda f’kontijiet ta’ investiment immirati li jipprovdu pensjoni. Jistgħu jsiru kontribuzzjonijiet f’dawn il-kontijiet sa massimu ta’ 10% tad-dħul kull sena u ma jistgħux jiġu rtirati fondi sal-età tal-irtirar. Mal-età tal-irtirar, dawn il-fondi jistgħu jiġu rtirati sa massimu ta’ 5% tal-ammont disponibbli fl-età tal-irtirar kull sena.
- Għal min jixtieq, ikun possibbli wkoll li fondi tal-pensjoni tat-tielet pilastru jiġu investiti fil-fond nazzjonali tal-pensjoni f’kont individwali.
Saħħa
- Nipprovdu bi prezz nominali l-mediċini kollha ordnati mit-tabib lil dawk kollha li jgħixu biss bil-pensjoni.
- Noffru appoġġ biex in-nies jagħżlu stil ta’ ħajja aktar san, permezz ta’ sussidji fuq abbonamenti f’faċilitajiet sportivi.
- Noħolqu skema ta’ tfaddil individwali għal spejjeż tas-saħħa, b’sussidju mill-gvern ta’ 30% tal-ammont imfaddal sa massimu ta’ mitt ewro fix-xahar. Dan it-tfaddil ikun jista’ jintuża għal użu ta’ faċilitajiet mediċi privati, mediċini eċċ, irrispettivament minn jekk dawn ikunux jiġu offruti mis-servizz tas-saħħa pubbliku jew le. L-ammont imfaddal ikun ukoll jintiret.
- Nintroduċu aktar trasparenza fis-sistema tal-waiting lists għall-appuntamenti fl-isptarijiet biex il-pazjent ikun jista’ jsegwi online il-postijiet disponibbli u l-evoluzzjoni tagħhom. Naraw ukoll li s-sistema tal-waiting lists tiġi wkoll awditjata biex ma jibqax aktar spazju għal interventi min-naħa ta’ politiċi biex persuni jaqbżu l-kjù mingħajr ġustifikazzjoni valida.
Diżabilità
- Nenfasizzaw it-tagħlim u t-taħriġ biex, fejn possibbli, l-individwu jsir aktar awtonomu, anki jekk dan jiswa aktar riżorsi milli kieku nagħtu biss l-assistenza finanzjarja. Dan għax nemmnu li d-dinjità u l-awtonomija tal-individwu huma tal-akbar importanza.
- Jekk ikun hemm biżżejjed domanda, inwaqqfu faċilità produttiva tal-gvern għal persuni bi bżonnijiet speċjali fuq il-mudell tal-entità Żvediża Samhall jew dik Amerikana Skilcraft.
- F’każ fejn il-ġenituri jew it-tfal ikunu jippreferu jattendu skejjel speċjali, nagħmluha possibbli li jsir dan. Jekk ikun hemm biżżejjed domanda, inżidu n-numru ta’ skejjel għal studenti bi bżonnijiet speċjali. Inkomplu wkoll bil-politika tal-integrazzjoni fi skejjel mainstream iżda ma nimponuhiex.
- Jingħata sussidju biex isir xogħol li jżid l-aċċessibilità fuq binjiet eżistenti.
- Għalkemm nopponu l-Att dwar l-Ugwaljanza fil-forma preżenti tiegħu, inżommu u nsaħħu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, kif ukoll persuni oħra f’kategoriji protetti.
- Naraw li persuni b’mard kroniku hekk imsejjaħ “inviżibbli” bħal fybromyalgia ma jibqgħux isofru diskriminazzjoni u jiġu injorati mill-awtoritajiet. Persuni affettwati severament u li ma jistgħux jaħdmu għandhom ikunu eliġibbli għal disability allowance. Il-Fibromyalgia Clinic għandha tiġi mtejba biex verament tkun funzjonali.
Qgħad
- Nippermettu lil persuni li jkunu ilhom qiegħda għal ħames snin sabiex jaħdmu b’paga minima aktar baxxa li tiżdied gradwalment sal-paga minima nazzjonali. Dan biex dawn ma jagħmlux żmien twil wisq barra mid-dinja tax-xogħol.
- Noħolqu infrastruttura legali aktar effikaċi għal xogħol flessibbli minn persuni li ma jkunux jistgħu jsibu impjieg full-time fit-tul jew li ċ-ċirkostanzi tagħhom ma jkunux jippermettulhom li jagħmlu dan. Fl-istess ħin, naraw li din ma sservix bħala bażi għat-tkomplija tal-ekonomija taċ-cheap labour.
- Inkattru l-investiment f’taħriġ mill-ġdid għaliex nemmnu li dan mhux biss itejjeb il-qagħda tal-individwu li jibbenefika minnu, iżda jsaħħaħ l-ekonomija.
Il-Ġlieda kontra l-Faqar - Nindirizzaw il-kawżi ewlenin taż-żieda fil-faqar billi nħottu l-ekonomija taċ-cheap labour u nikkontrollaw l-immigrazzjoni tal-massa.
- Biex nissimplifikaw is-sistema tal-benefiċċji soċjali u niffaċilitaw il-ħajja ta’ min huwa fil-bżonn ta’ għajnuna, filwaqt li nsaħħu l-inċentivi biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol fejn possibbli, nintroduċu sistema ta’ negative income tax ta’ 50% fuq id-differenza bejn id-dħul tal-individwu u l-paga minima nazzjonali. Dan il-benefiċċju ma jkunx wieħed kontributorju imma jingħata biss lil persuni li jkunu ilhom residenti f’Malta għal 20 sena u li ma jkollhomx assi sostanzjali. Il-biċċa l-kbira minnu tingħata f’forma ta’ vouchers, sabiex ikun jista’ jintefaq biss fuq affarijiet essenzjali u ta’ ħtieġa. Dan il-benefiċċju jieħu post il-pagamenti tal-assistenza soċjali kif ukoll il-pensjoni minima nazzjonali, iżda mhux allowances oħra.
- Is-sistema tan-negative income tax tieħu post il-manteniment lill-konjuġi f’każijiet ta’ separazzjoni, iżda mhux il-manteniment lit-tfal.