20/12/2023
Il-Partit Popolari Jsellem lil Enrico Mizzi, f’Jum l-Anniversarju tal-Mewt Tiegħu
Il-Partit Popolari llum qiegħed isellem il-memorja ta’ Enrico Mizzi, f’jum l-anniversarju tal-mewt tiegħu, bi tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument iddedikat lilu fil-Belt Valletta.
Il-Partit Popolari jfakkar is-sens ta’ missjoni li kellu Enrico Mizzi, li kkaratterizza l-ħajja tiegħu minn żogħżitu sal-aħħar jiem tiegħu, li għexhom bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Il-Partit Popolari jiddeplora l-fatt li dan il-politiku li ssejjaħ saħansitra mill-avversarji politiċi tiegħu “l-aqwa fost il-Maltin”, illum jinsab minsi u mwarrab saħansitra minn dawk li jqisu ruħhom bħala l-eredi politiċi tiegħu.
In-nazzjonaliżmu ta’ Enrico Mizzi dejjem kien wieħed li jfittex id-drittijiet u l-interessi ta’ pajjiżna, mingħajr ma jiċħad dawk ta’ pajjiżi oħra. Kien ukoll demokratiku u moderat, u kien akkumpanjat minn ruħ soċjali qawwija, li kienet tikkaratterizza l-gvernijiet li fforma parti minnhom jew mexxa, kif ukoll il-kitba ġurnalistika tiegħu.
Il-Partit Popolari jfakkar li wara snin ta’ ħidma għal pajjiżu, Enrico Mizzi miet tista’ tgħid fil-faqar għax kien dejjem fittex li jagħti servizz lil pajjiżu u mhux li jibbenefika huwa stesss. Il-Partit Popolari jsejjaħ għal politika ġdida f’Malta, fuq l-eżempju ta’ Enrico Mizzi u ta’ patrijotti oħra Maltin li fittxew x’jistgħu jagħtu lil pajjiżhom u mhux x’jistgħu jieħdu minnu.
Il-Partit Popolari jħabbar li b’din l-attività, qiegħed itemm il-programm ta’ attivitajiet pubbliċi tiegħu għas-sena 2023. Nixtiequ lill-membri tal-partit, lit-tim tal-partit, kif ukoll lill-pubbliku Malti u Għawdxi l-isbaħ xewqat għal Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq.