Stqarrija 22-2023

21/10/2023

Il-Partit Popolari Jikkundanna l-Appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li Ssejjaħ għad-Dħul tal-Abort f’Malta

Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib u l-kundanna tiegħu għad-deċiżjoni tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa li jivvota favur riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li, filwaqt li tikkundanna lil Malta għal ksur tal-istat tad-dritt, issejjaħlu wkoll biex idaħħal liġi li tippermetti l-abort. Il-Partit Popolari jisħaq li jekk il-Partit Nazzjonalista mhuwiex se jiddiżassoċja lilu nnifsu minn dan il-vot, ikun kompliċi fih u jkun qiegħed jassoċja lilu nnifsu mas-sejħa lill-Gvern Malti biex idaħħal l-abort f’Malta.

Il-Partit Popolari jesprimi s-sorpriża tiegħu għall-istqarrijiet tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista li hu ma kienx jaqbel mal-paragrafu dwar l-abort iżda xorta ried jivvota favur ir-riżoluzzjoni, li hija pakkett. Ladarba daħal dan il-paragrafu fir-riżoluzzjoni kontra r-rieda tiegħu, l-unika għażla li kellu kienet li jivvota kontra r-riżoluzzjoni nnifisha. Minflok għamel dan, huwa xorta waħda vvota favur, u b’hekk għamel tiegħu dak kollu li kien hemm fiha.

Il-Partit Popolari jfakkar li kien biss ftit tax-xhur ilu li l-Partit Nazzjonalista vvota fil-Parlament Malti favur l-emendi proposti mill-Gvern għall-Kodiċi Kriminali sabiex jitbexxaq il-bieb għall-abort. Dan minkejja li esperti legali ewlenin kif ukoll ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista stess esprimew tħassib serju dwar il-liġi u l-possibilitajiet li tiftaħ għall-qrati biex jippermettu d-dħul tal-abort f’Malta. Dakinhar ukoll, il-Partit Nazzjonalista kien għalaq għajnejh it-tnejn biex taparsi ma jarax fatti ovvji li kien hemm quddiemu biex ikun jista’ jivvota mal-Gvern u jissodisfa lill-attivisti liberali fi ħdanu.

Follow by Email
Facebook
Twitter