04/08/2023
Il-Partit Popolari Jappoġġja lir-Residenti taż-Żurrieq fl-Oppożizzjoni tagħhom kontra l-Iżvilupp fuq Raba’ fiż-Żona tan-Nigret
Il-Partit Popolari jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tar-residenti taż-Żurrieq, irrappreżentati mill-Għaqda Residenti taż-Żurrieq kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tiftaħ it-triq għall-bini fuq art agrikola fiż-żona tan-Nigret ġewwa ż-Żurrieq.
Il-Partit Popolari jemmen li l-ebda art agrikola ma għandha tingħata aktar għall-bini, billi l-ammont ta’ art mibnija f’pajjiżna diġà jaqbeż kull limitu aċċettabbli, u pajjiżna ma jistax jaffordja li jitlef aktar minn dak il-ftit spazju miftuħ li fadallu.
Il-Partit Popolari jsejjaħ lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu li jsemma leħen iċ-ċittadini tal-lokalità, minflok jirrappreżenta l-interessi ta’ partit politiku fil-livell nazzjonali. L-ewwel lealtà tal-kunsilliera lokali għandha tkun lejn ir-residenti tal-lokalità tagħhom. Fejn sindki u kunsilli kuraġġużi f’lokalitajiet oħra bħall-Gżira għamlu dan, inkiseb ir-riżultat mixtieq fl-interess tar-residenti kollha.
Il-Partit Popolari jemmen ukoll li deċiżjonijiet bħal dawn li jolqtu lir-residenti ma għandhom qatt jittieħdu mingħajr ma r-residenti jkunu ngħataw l-aħħar kelma, jekk meħtieġ permezz ta’ referendum lokali, anki f’każijiet fejn il-Kunsill jiddeċiedi li ma jintervjenix biex jiddefendi l-interessi tar-residenti.
Il-Partit Popolari jtenni wkoll il-proposta elettorali tiegħu li l-art fl-ODZ tingħata protezzjoni kostituzzjonali – jiġifieri biex isir żvilupp li m’għandux skop ta’ natura rurali jew agrikola ikun jinħtieġ vot ta’ 2/3 fil-parlament jew referendum. Minbarra dan, nipproponu wkoll li l-artijiet agrikoli li tneħħitilhom il-protezzjoni ta’ ODZ fl-2006 u li għadhom ma nbnewx għandhom jingħataw mill-ġdid u mill-aktar fis il-protezzjoni li kellhom fejn dan għadu possibbli.