Stqarrija 05-2023

01/05/2023

Il-Partit Popolari Jipproponi t-Tmiem tal-Ekonomija tal-Pagi Baxxi

Flimkien mal-bqija tas-soċjetà Maltija, il-Partit Popolari llum qiegħed jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, u jixtieq isellem u jirringrazzja lill-ħaddiema kollha Maltin, li fuq il-ħidma tagħhom huwa mibni pajjiżna.

Il-Partit Popolari josserva b’dispjaċir li l-ħaddiem ġie ssagrifikat għal kollox fil-mudell ekonomiku mħaddan mill-gvern preżenti matul l-aħħar għaxar snin, iżda wkoll minn dak ta’ qablu. Meta titqies l-inflazzjoni, il-paga medja f’Malta matul l-aħħar għaxar snin tista’ tgħid ma żdiedet xejn, u l-istess jista’ jingħad ukoll dwar il-paga minima. Sadanittant, l-ispejjeż biex il-ħaddiem ikun jista’ jkollu post fejn jgħix żdiedu b’aktar mid-doppju fl-istess perjodu, tant li llum huwa impossibbli għal ħaddiem b’paga minima li jsib post fejn jgħix, filwaqt li jgħajjex il-familja tiegħu.

Ninsabu mħassbin ukoll dwar il-fatt li l-unions illum abdikaw ir-responsabbiltà tagħhom li jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema, l-aktar billi ġew iddevjati mill-iskop oriġinali tagħhom permezz ta’ fondi Ewropej u anki nazzjonali, li jiġu b’kundizzjonijiet marbuta magħhom. Ninsistu wkoll li s-sħubija fil-unions tibqa’ volontarja, sabiex tiġi rrispettata l-libertà tal-ħaddiem kif ukoll biex ma titnaqqasx l-inċentiva tal-unions biex tassew jagħtu servizz lill-ħaddiem. Nemmnu li għandu jispiċċa wkoll iż-żmien li unions iservu l-interessi ta’ partit politiku, u jibqgħu siekta għal snin twal dwar l-abbuż tal-ħaddiema waqt li l-partit tagħhom ikun fil-gvern.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-importazzjoni bla kontroll ta’ ħaddiema barranin li jitħallsu pagi baxxi. Nipproponu l-iffriżar immedjat tar-reklutaġġ ta’ dan it-tip, ħlief f’oqsma fejn ma jistax isir mod ieħor bħall-kura tas-saħħa u tal-anzjani. Nemmnu li l-ekonomija tal-pagi baxxi mhijiex addattata għal pajjiżna u hija ta’ ħsara għall-ħaddiema Maltin u għaċ-ċittadini kollha. Minflokha, nipproponu li jsir sforz akbar biex tinħoloq ekonomija ta’ valur miżjud għoli, permezz ta’ taħriġ akbar għall-ħaddiema, titjib tas-sistema edukattiva u investiment f’teknoloġiji avvanzati.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li l-paga minima għandha tiġi miżjuda b’pass mgħaġġel, sabiex tirdoppja fuq medda ta’ għaxar snin. Dan wara ħafna snin fejn, meta tqis l-inflazzjoni, din prattikament ma żdidietx u llum hija waħda mill-aktar baxxi fl-Ewropea tal-Punent, minkejja t-tkabbir ekonomiku li seħħ f’pajjiżna.

Niġbdu wkoll l-attenzjoni għall-qagħda mwegħra li tinsab fiha s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta. Dan mhux biss minħabba li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ minħabba li huwa ekonomikament diffiċli għall-familji li jkollhom it-tfal, iżda wkoll għaliex il-gvernijiet stess qatt ma ħasbu biex joħolqu fond adegwat biex minnu jitħallsu l-pensjonijiet, u minflok berbqu l-bolol tal-Maltin fuq infiq biex jixtru l-popolarità u l-voti. Nipproponu li fond bħal dan jinħoloq b’mod immedjat, bi qbil minn fost il-partiti u l-forzi politiċi kollha li dan ma jintmissx għal infiq li m’għandux x’jaqsam mal-pensjonijiet.

Follow by Email
Facebook
Twitter