Stqarrija 09-2022

01/05/2022

Il-Partit Popolari Jipproponi Mudell Ekonomiku Ġdid li Jpoġġi l-Ħaddiem fiċ-Ċentru

Flimkien mal-bqija tas-soċjetà Maltija, il-Partit Popolari llum qiegħed jiċċelebra Jum il-Ħaddiem, u jixtieq isellem u jirringrazzja lill-ħaddiema kollha Maltin, li fuqhom huwa mibni pajjiżna.

Il-Partit Popolari jieħu din l-okkażjoni biex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis fil-prosperità tal-ħaddiem Malti matul dawn l-aħħar snin. Filwaqt li l-ekonomija Maltija kibret b’madwar 50% matul dawn l-aħħar għaxar snin, dan ma rriżultax f’titjib proporzjonali fil-livell tal-għajxien tal-ħaddiem Malti. Il-paga medja żdiedet b’29% biss (minn €15,016 għal €19,356 qabel it-taxxa) u dik minima żdiedet saħansitra inqas, b’inqas minn 15%. Sadanittant, l-ispejjeż biex wieħed ikollu post fejn jgħix żdiedu b’aktar mid-doppju fl-istess żmien, u issa qegħdin naraw ukoll żidiet kbar ukoll fil-prezzijiet tal-bżonnijiet ta’ kuljum, inkluż l-ikel.

Ninsabu mħassbin ukoll bil-proposta tal-Gvern li jimponi s-sħubija f’union fuq il-ħaddiema. Din mhux biss hija impożizzjoni u tneħħija tal-libertà tal-ħaddiema iżda sejra wkoll tnaqqas l-inċentiva tal-unions biex tassew jagħtu servizz lill-ħaddiem, billi issa dan se jkollu jissieħeb magħhom bilfors, irid u ma jridx, u mhux aktar b’għażla tiegħu.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi mudell ekonomiku differenti għal pajjiżna, li ma jibqax ibbażat biss fuq it-tkabbir ekonomiku, iżda li jkollu bħala mira tiegħu ż-żieda fil-pagi. Nistiednu lill-Gvern biex iwaqqaf l-importazzjoni bla kontroll ta’ ħaddiema barranin li jitħallsu pagi baxxi, u wkoll biex jara li jieqaf minnufih it-tħaddim ta’ nies mingħajr ktieb tax-xogħol u b’inqas mill-paga minima, inkluż fil-każ ta’ persuni li tkun ġiet rifjutata t-talba tagħhom għall-ażil f’Malta u li xorta waħda jibqgħu f’pajjiżna.

Nistiednu wkoll lill-Gvern biex iwarrab minnufih il-politika tiegħu li jagħti biss żidiet żgħar ħafna kull sena għall-paga minima, tant li llum sar kważi impossibbli li wieħed jgħix biha, u wisq inqas li jkollu familja. Nemmnu li l-paga minima għandha tiġi miżjuda b’pass mgħaġġel, sabiex tirdoppja fuq medda ta’ għaxar snin. Dan wara ħafna snin fejn, f’termini reali, din prattikament ma żdidietx.

Niġbdu wkoll l-attenzjoni tal-Gvern għall-qagħda mwegħra li tinsab fiha s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta. Is-sistema preżenti ‘pay-as-you-go’ mhijiex se tiggarantixxi pensjoni xierqa għall-ħaddiema Maltin li qegħdin jikkontribwixxu għaliha. Nemmnu li wasal iż-żmien li l-futur tal-ħaddiema u tas-self-employed tagħna jitħares billi tiġi implimentata sistema tal-pensjonijiet aktar sikura, b’finanzjament sħiħ, u li tinżamm f’bilanċ attwarjali.

Follow by Email
Facebook
Twitter