17/03/2022
Difiża tal-interessi nazzjonali: ħidma biex jinġiebu setgħat lura minn Brussell u biex jitwaqqaf l-abbuż mis-sistema tal-ażil
Il-Partit Popolari huwa kburi li huwa l-partit li qiegħed jippreżenta lill-poplu l-aktar għażla ċara f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tas-sovranità, tal-fruntieri u tal-interessi ta’ pajjiżna.
Il-Partit Popolari se jinsisti li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li huwa mnaqqax fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea jibda jiġi rrispettat mhux biss fl-ittra imma wkoll fl-ispirtu. Fil-prattika, dan ifisser li fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nivvutaw kontra kull miżura fejn l-Unjoni Ewropea tipprova tidħol fi kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Istati Membri individwalment u mhux lill-Ewropa kollha kemm hi. Insemmgħu l-vuċi ta’ Malta wkoll favur it-tisħiħ ta’ dan il-prinċipju f’każ li t-Trattati tal-Unjoni Ewropea jiġu riveduti.
Qegħdin nipproponu wkoll li Malta tirrinegozja s-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea sabiex tikseb l-istess kundizzjonijiet ta’ sħubija li għandha d-Danimarka, jiġifieri tkun eskluża mill-oqsma tas-sigurtà, id-difiża, iċ-ċittadinanza, il-pulizija u l-ġustizzja.
Fil-qasam tal-ħarsien tal-fruntieri ta’ pajjiżna, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi azzjoni aktar deċiża fir-rigward tal-abbużi li qed iseħħu mis-sistema tal-ażil. Qiegħed jipproponi miżuri li jindirizzaw il-laxkezza fil-proċess biex jingħata l-ażil, oħrajn li jindirizzaw it-traffikar u oħrajn li jindirizzaw il-pull-factor ekonomiku. Qiegħed jipproponi wkoll li tittieħed azzjoni serja biex persuni li jiġi rrifjutat lilhom l-ażil u għalhekk mhux suppost jibqgħu f’Malta, fil-fatt ma jitħallewx jaħdmu f’Malta.
Filwaqt li jagħraf li dawn l-għanijiet mhuwiex faċli li jintlaħqu, u jirrikjedu ħidma kbira fuq bosta snin, il-Partit Popolari jemmen li jistgħu jinkisbu jekk ikun hemm ir-rieda politika, li jidher ċar li f’dawn l-oqsma hija nieqsa fiż-żewġ partiti li mexxew lil pajjiżna għall-aħħar snin.