10/12/2021
Il-Partit Popolari jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal-liġi ġdida proposta mill-Gvern dwar il-liberalizzazzjoni tat-tkabbir, it-tqassim u l-użu tal-kannabis f’Malta.
Il-Partit Popolari jħoss li din ir-riforma hija ispirata minn attitudni tal-Gvern li l-użu ta’ drogi ħfief huwa delizzju bħall-oħrajn u mhux il-problema soċjali li fil-fatt hu. Iħoss ukoll li ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni għall-ħarsien tat-tfal milli jiġu esposti għal dan il-vizzju, u li s-salvagwardji li qed jiġu proposti fil-liġi mhumiex infurzabbli fil-prattika u għalhekk x’aktarx li jkunu ineffettivi.
Il-Partit Popolari jipproponi li bħala minimu l-liġi tipprojbixxi t-tkabbir tal-kannabis fid-djar. Jipproponi wkoll li l-liġi tipprojbixxi l-użu tal-kannabis fil-pubbliku għajr f’postijiet awtorizzati, biex il-membri tal-pubbliku ma jiġux esposti kontra r-rieda tagħhom għal dawn is-sustanzi. Jipproponi wkoll li l-liġi tipprojbixxi għal kollox l-użu fi djar fejn ikunu qed jgħixu t-tfal, billi s-salvagwardji dwar dan fil-liġi proposta mhumiex infurzabbli fil-prattika. Il-Partit jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-membri tal-pubbliku jiġu mħarsa aħjar mill-effetti tal-konsum tal-kannabis minn ħaddieħor, fost l-oħrajn billi jissaħħu u jiġu infurzati tajjeb ir-regolamenti dwar sewqan taħt l-effett tal-kannabis u sustanzi oħra b’effetti simili fuq il-kapaċità tas-sewqan.
Il-Partit Popolari jappoġġa wkoll is-sejħa ta’ bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex l-età minima għall-konsum rikreattiv tal-kannabis titla’ minn 18-il sena għal 25 sena, u biex il-kampanji edukattivi tal-Gvern fir-rigward tal-kannabis jibqgħu iffukati fuq li jispjegaw ir-riskji tat-teħid ta’ din is-sustanza.
Fuq kollox, il-Partit Popolari jistieden lill-Gvern u lill-forzi politiċi kollha biex jirriflettu fuq ir-raġunijiet għaliex tant mill-ġenerazzjonijiet il-ġodda tagħna qegħdin ifittxu li jirtiraw mill-ħajja u mill-komunità permezz tal-użu tad-drogi. Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi mudell soċjali u ekonomiku ġdid mibni madwar il-familja, li nemmnu li hija l-ewwel u l-aqwa soluzzjoni għall-problemi soċjali, u l-bażi ta’ soċjetà u individwi b’saħħithom.