Stqarrija 13-2021

Il-Partit Popolari jikkundanna bla riżervi l-indħil min-naħa tal-Unjoni Ewropea fl-affarijiet interni tal-Polonja u tal-Ungerija, inkluż f’dak li jirrigwarda l-liġi Ungeriża dwar l-edukazzjoni u t-tibdiliet li saru mill-gvern Pollakk dwar l-ordni ġudizzjarju Pollakk. Nikkundannaw b’mod partikolari l-użu f’dawn l-aħħar ġranet min-naħa tal-Unjoni Ewropea tal-fondi Ewropej biex tirrikatta lil dawn iż-żewġ stati membri u tinforza r-rieda tagħha fuqhom, minkejja r-rieda taċ-ċittadini tagħhom.

Il-Partit Popolari jaqbel ukoll bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Pollakka li affermat is-supremazija tal-liġi nazzjonali fuq dik tal-Unjoni Ewropea. Nemmnu li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tingħata setgħat, inkluża dik li tafferma s-supremazija tal-liġi tagħha fuq dik tal-istati membri, li m’għandhom l-ebda bażi fit-Trattati tal-UE.

Nemmnu wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tillimita ruħha biss għal oqsma li jitolbu kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, u qatt ma tidħol f’affarijiet purament interni, bħalma huma liġijiet dwar l-edukazzjoni u l-media, jew tibdiliet fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fil-livell nazzjonali.

Nemmnu li l-fondi tal-Unjoni Ewropea m’għandhom qatt jintużaw biex ikabbru s-setgħat tal-Unjoni jew biex jirrikattaw lill-membri.

Il-Partit Popolari jsejjaħ lill-gvern Malti biex fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jieqaf jappoġġja l-indħil fl-affarijiet interni tal-pajjiżi Ewropej, u għalhekk it-tnaqqir tal-indipendenza u s-sovranità ta’ Malta stess.

Follow by Email
Facebook
Twitter