Stqarrija 03-2021

07/02/2021

Il-Partit Popolari rċieva bosta lmenti dwar il-passaġġ regolari ta’ trakkijiet kbar fil-lokalità tal-Kerċem, li qed joħloq disturb lir-residenti u ħsara fit-toroq ewlenin tal-lokalità. Il-Partit jagħti l-appoġġ sħiħ lil dawn ir-residenti u jawgura li tinstab soluzzjoni għal din il-problema, fuq il-bażi ta’ bilanċ ġust bejn l-interessi lokali u dawk nazzjonali. Il-Partit jemmen ukoll li l-interessi ekonomiċi, minkejja l-importanza tagħhom, m’għandhomx jieħdu prijorità fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet.

Il-Partit huwa mgħarraf ukoll li r-residenti fiż-żona ta’ Paris f’Birkirkara qegħdin ikunu regolarment mingħajr is-servizz tal-elettriku.  Il-Partit Popolari jingħaqad ma’ vuċijiet oħrajn sabiex isejjaħ biex din il-problema tiġi riżolta mill-aktar fis. Dan ukoll fid-dawl tal-wegħdiet li saru u tal-infiq kbir ta’ flus pubbliċi f’dan is-settur. Nemmnu li jekk il-monopolju tal-Gvern f’dan il-qasam ikompli jonqos milli jagħti r-riżultati meħtieġa, il-lokalitajiet għandhom ikunu liberi biex isibu soluzzjonijiet alternattivi f’suq tal-enerġija aktar liberu.

Il-Partit Popolari jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw aktar riżorsi u poteri sabiex isolvu problemi bħal dawn fil-lokalitajiet tagħhom u dan għaliex huma jinsabu l-eqreb lejn iċ-ċittadin.

Follow by Email
Facebook
Twitter