Stqarrija 04-2021

17/02/2021

Il-Partit Popolari jikkundanna l-stupru ta’ art agrikola ġewwa Burmarrad, Ħal Qormi, Ħad-Dingli u nħawi oħra, kif ukoll il-qerda ta’ parti minn ġnien pubbliku f’Ħaż-Żebbuġ illum stess, għall-hekk imsejjaħ ‘żvilupp’ li jaġevola l-ftit u jinjora r-rieda taċ-ċittadini partikolarment dawk li huma residenti tal-lokal. Dawn id-deċiżjonijiet juru b’mod ċar f’liema stat impotenti u bla leħen spiċċa l-poplu fis-sistema politika eżistenti u kif il-politikanti jinħbew wara ċerti awtoritajiet biex jgħaddu bħal romblu fuq id-drittijiet tal-poplu.

Il-Partit Popolari jemmen u se jissielet biex il-poter ikun tassew f’idejn il-poplu u qed iħejji programm estensiv ta’ proposti politiċi li jippermettu biex mill-kliem dwar id-demokrazija ngħaddu għall fatti. Fost dawn il-proposti, insibu li tinħoloq sistema ta’ reġjuni li jieħdu l-poteri tagħhom direttament mill-kostituzzjoni u allura jkollhom ferm iżjed poteri milli għandhom il-kunsilli lokali llum, poteri li l-gvern ċentrali ma jkunx jista’ jirfes fuqhom. Fost affarijiet oħra aħna nemmnu li għandhom ikollhom il-poter biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jinkludu dawk ta’ ippjanar lokali u protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll edukazzjoni u saħħa primarja. Il-votanti f’dawn il-lokalitajiet ikollhom id-dritt li jsejħu referendum biex ibiddlu jew iwaqqfu deċiżjonijiet importanti li jimpattawhom b’mod dirett.

Fl-istess waqt, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ pajjiżna, nemmnu li l-art fl-ODZ tingħata protezzjoni kostituzzjonali – jiġifieri biex isir żvilupp li m’għandux skop ta’ natura rurali jew agrikola ikun jinħtieġ vot ta’ 2/3 fil-parlament jew referendum. Jekk il-poplu jrid verament isir is-sid f’pajjiżna, u ma jibqax aktar tallab impotenti quddiem deċiżjonijiet oxxeni li jmorru kontra r-rieda u l-aħjar interessi tiegħu, allura nistednuh jingħaqad magħna biex noħolqu sistema politika denja fejn l-inizjattivi jiġu mill-poplu għall-poplu.

Follow by Email
Facebook
Twitter