Stqarrija 28-2024

06/07/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ lill-Gvern biex Jirrikunsidra l-Politika Tiegħu dwar il-Marijuana

Il-Partit Popolari jirreferi għat-tħassib li qiegħed jintwera kemm minn membri tal-pubbliku, kif ukoll minn entitajiet responsabbli fil-qasam, bħall-Caritas, dwar is-sitwazzjoni tal-użu tal-marijuana f’Malta minn mindu l-Gvern għamel bidliet fil-liġi dwar l-użu tagħha sentejn u nofs ilu.

Jidher ċar li llum iċ-ċittadini li ma jixtiqux jagħmlu użu mill-marijuana qegħdin jiġu affettwati ħażin minn dawk li qegħdin jagħmlu użu mill-marijuana fid-djar, appartamenti u postijiet pubbliċi, u qegħdin jiġu soġġetti għal użu passiv ta’ din id-droga. Illum huwa diffiċli li wieħed imur f’post pubbliku, u f’ċerti każijiet saħansitra jgħix fid-dar tiegħu stess mingħajr ma jkun espost għall-marijuana. Dan joħloq tħassib ukoll li saħansitra t-tfal jistgħu jkunu qegħdin jiġu esposti għall-istess sustanza, inkluż fid-dar tagħhom stess, billi ma jidher li qiegħed isir l-ebda infurzar.

Il-Partit Popolari jfakkar li kien wissa meta ddaħħlet din il-liġi li din kien se jkun impossibbli li tiġi infurzata, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tat-tfal. Skont dak li qiegħed jirriżulta issa mid-dikjarazzjonijiet tal-Caritas, jidher ċar li din it-twissija kienet f’waqtha. Għalhekk, il-Partit Popolari qiegħed itenni din it-twissija u jistieden lill-Gvern biex jibdel il-liġi u jtejjeb l-infurzar fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew minn mindu l-liġi nbidlet.

Il-Partit Popolari jirreferi wkoll għall-qagħda ġenerali tal-abbuż mid-drogi f’pajjiżna, li jidher li wkoll marret għall-agħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kokaina, fejn illum 56% ta’ dawk li talbu għajnuna mingħand il-Caritas fl-2023 kienu vittmi tal-kokaina. Huwa jistieden lill-Gvern biex jistudja x’kien l-impatt tal-bidliet fil-liġi dwar il-marijuana, u l-infurzar laxk tagħhom, fuq din iż-żieda.

Fl-aħħar nett, il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll biex il-Gvern jagħti aktar appoġġ għal NGOs ġenwini bħall-Caritas, li qegħdin jagħmlu xogħol utli fis-soċjetà, filwaqt li jillimita l-finanzjament kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew għal NGOs li l-aġenda tagħhom hija waħda ideloġika aktar milli soċjali.

Follow by Email
Facebook
Twitter