Stqarrija 25-2024

15/06/2024

Il-Partit Popolari Jopponi s-Sejħa tal-Prim Ministru għal Dibattitu dwar l-Abort

Il-Partit Popolari jiddeplora s-sejħa tal-Prim Ministru ta’ nhar it-Tnejn li għadda għal dibattitu dwar l-abort, li saret bħala distrazzjoni mit-tnaqqis elettorali li kien ġarrab il-partit tiegħu il-ġurnata ta’ qabel, kif ukoll mill-għawġ ġudizzjarju li qegħdin jiffaċċjaw politiċi tal-Partit Laburista fil-kwistjoni tal-isptarijiet, tal-ElectroGas u kwistjonijiet oħra.

Il-Partit Popolari jemmen li l-kwistjoni tal-abort hija waħda ċara daqs il-kristall għax hija waħda ta’ dritt fundamentali ta’ persuna fuq il-ħajja tagħha stess. Ma għandu jkun hemm l-ebda diskussjoni dwar it-teħid ta’ dritt fundamentali bħal dan. Il-Partit Popolari jfakkar ukoll li dan il-Gvern, bil-kooperazzjoni tal-Oppożizzjoni, biss ftit tax-xhur ilu għadda bidliet għal-liġi li bexxqu l-bieb għall-abort f’każijiet ta’ perċezzjoni ta’ theddida għas-saħħa psikoloġika. Il-Partit Popolari oppona dik il-bidla billi jemmen li d-difiża tad-drittijiet fundamentali hija kwistjoni ta’ prinċipju, u għadu qiegħed isejjaħ biex dawk il-bidliet jitreġġgħu lura.

Il-Partit Popolari jemmen li l-pajjiż għandu quddiemu dibattiti oħra li mhux biss huwa leġittimu li jsiru iżda li huwa neċessarju u urġenti li jsir dan. L-ewwel fost dawn hija t-trasformazzjoni demografika tal-pajjiż li seħħet matul dawn l-aħħar 15-il sena tant li pajjiżna m’għadux jintgħaraf. Il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa wkoll suġġett li ma sarx id-dibattitu pubbliku meħtieġ dwaru iżda li ddaħħal b’impożizzjoni mill-Gvern u b’kompliċità u silenzju mill-Oppożizzjoni. Is-sistema politika korrotta taż-żewġ partiti hija wkoll waħda li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jirrifjutaw li jiftħu dibattitu dwarha quddiem il-poplu. Il-Partit Popolari jsejjaħ biex il-partiti fil-Parlament ikollhom il-kuraġġ jiddibattu l-kwistjonijiet li tassew qegħdin jaffettwaw il-ħajja tal-poplu u mhux dibattiti dwar hekk-imsejjaħ dritt li fil-fatt huwa t-tneħħija tad-dritt ta’ ħaddieħor għal ħajtu.

Follow by Email
Facebook
Twitter