Stqarrija 24-2024

11/06/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għal Għajnuna għal Gruppi li Jieħdu Ħsieb Annimali Abbandunati

Il-Partit Popolari jemmen li huwa d-dmir tas-soċjetà li taħdem biex tindirizza t-tbatija, inkluż meta din tinvolvi annimali abbandunati jew abbużati, ħaġa li bħalissa qiegħda ssir biss minn numru ta’ gruppi u voluntiera b’riżorsi limitati u li jiddependu fuq donazzjonijiet privati.

Il-Partit Popolari jinnota n-nuqqas ta’ appoġġ statali għal dawn l-organizzazzjonijiet u wkoll in-nuqqas ta’ strutturi adegwati tal-istat stess għall-kura tal-annimali fil-bżonn. Filwaqt li l-Partit Popolari jifhem il-limitazzjonijiet finanzjarji li jiffaċċjaw l-awtoritajiet, u wkoll il-ħtiġijiet l-oħra li tiffaċċja s-soċjetà, huwa jsejjaħ biex dan il-qasam umanitarju ma jibqax jiġi injorat.

Bħala eżempju, illum qegħdin hawn għand l-organizzazzjoni Sunshine li hija għaqda li tieħu ħsieb numru ta’ annimali tal-farms u tgħin ukoll lil persuni bi bżonnijiet speċjali billi toffrilhom il-possibiltà li jinteraġixxu ma’ dawn l-annimali. Din l-organizzazzjoni qiegħda tiffaċċja t-telf tal-post minn fejn topera, b’riżultat li hija mistennija li jkollha tieqaf mill-missjoni tagħha, b’detriment kemm tal-annimali kif ukoll tal-persuni bi bżonnijiet speċjali li jinteraġixxu magħhom.

Il-Partit Popolari jsejjaħ biex, bħala minimu, l-awtoritajiet jagħmlu ħilithom biex minn fost il-ħafna proprjetajiet abbandunati jew mhux użati li għandu l-gvern, isibu postijiet li jistgħu jkunu użati minn organizzazzjonijiet bħal din. Isejjaħ ukoll biex l-awtoritajiet jikkunsidraw li jibdew jipprovdu servizzi bħal dawn huma stess, f’kollaborazzjoni mal-bosta voluntiera li qegħdin jagħmlu ħidma mal-annimali f’pajjiżna.

Il-Partit Popolari jemmen ukoll li tista’ ssir azzjoni wkoll mill-Kunsilli Lokali biex jappoġġjaw lill-feeders tal-annimali fil-lokalitajiet tagħhom li qegħdin jagħtu servizz bil-ħidma volontarja u bil-flus tagħhom. Dan jistgħu jagħmluh, pereżempju, billi jipprovdu shelters biex ikunu jistgħu jistkennu fihom l-annimali f’ġonna, playing fields jew spazji oħra adegwati.

Follow by Email
Facebook
Twitter