Stqarrija 22-2024

02/06/2024

Il-Partit Popolari Jsejjaħ għall-Applikazzjoni tal-Prinċipju tas-Sussidjarjetà u Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għal-Lokalità ta’ B’Kara

Il-Partit Popolari sa mit-twaqqif tiegħu għamel il-prinċipju tas-sussidjarjetà wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom jibbaża l-proposti tiegħu. Dan ifisser li l-Partit Popolari jemmen li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu l-iktar qrib possibbli taċ-ċittadin, jiġifieri kemm jista’ jkun fil-livell lokali jew reġjonali u jittieħdu f’livelli ogħla bħal dak nazzjonali u dak Ewropew biss fejn ikun hemm il-ħtieġa. Jekk deċiżjoni tikkonċerna l-aktar liċ-ċittadini ta’ lokalità waħda, din għandha tittieħed f’dik il-lokalità miċ-ċittadini u r-rappreżentanti tagħhom. L-istess jgħodd fil-livell nazzjonali, fejn deċiżjonijiet li jikkonċernaw biss jew l-aktar lil Malta m’għandux ikun hemm indħil fihom min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi li oqsma bħall-permessi tal-bini, l-iskejjel li jaqdu lokalità jew reġjun wieħed, policing u anki ċerti servizzi tas-saħħa u ta’ housing soċjali għandhom ikunu l-aktar f’idejn il-livell ta’ gvern lokali jew reġjonali, bħalma hu l-każ f’pajjiżi oħra, minflok jibqgħu jiġu amministrati kollha ċentralment.

Sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal żieda fis-setgħat tal-Kunsilli, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Partit Popolari jemmen li l-Kunsilli għandhom minn issa jibdew jieħdu pożizzjonijiet u jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet fi kwistjonijiet li jolqtu l-aktar lil-lokalità tagħhom dwar l-oqsma msemmija aktar ’il fuq, u jimpenja ruħu li l-Kunsilliera eletti fuq il-lista tiegħu jagħmlu dan.

Fil-lokalità ta’ B’Kara, il-Partit Popolari jimpenja ruħu b’mod partikolari biex jara li l-karattru tar-raħal ma jkomplix jinqered, u wkoll li dan ma jiġrilux bħal żoni oħra fiċ-ċentru ta’ Malta li ġew kożmopolitanizzati u li l-komunità Maltija fihom inħonqot.

Qiegħed jipproponi wkoll djalogu akbar mal-komunità, u konsultazzjoni regolari taċ-ċittadini, minflok attitudni fejn il-Kunsill jaf kollox. Jimpenja ruħu wkoll favur komunikazzjoni aħjar tal-attività tal-Kunsill maċ-ċittadini, ħaġa li hija nieqsa ħafna fuq il-website tal-Kunsill.

Il-Partit Popolari qiegħed jipproponi wkoll il-ħolqien ta’ heritage trail f’Birkirkara, sabiex il-wirt kulturali Karkariż ikun jista’ jitgawda kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti.

Impenji oħra tal-Partit Popolari f’din il-lokalità huma ħidma mill-qrib mal-għaqdiet soċjali, kulturali u reliġjużi sabiex jiġu żviluppati programmi għall-bżonnijiet tal-gruppi kollha f’B’Kara inklużi l-anzjani, iż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabilità, u wkoll ħidma sabiex ix-xogħol fit-toroq fil-lokalità jsir b’mod aktar organizzat u li, meta jsiru x-xogħlijiet,  kollox jirritorna għall-istat li kien fih qabel, għall-kuntrarju ta’ dak li qed iseħħ bħalissa.

Follow by Email
Facebook
Twitter