Stqarrija 18-2024

22/05/2024

Il-Partit Popolari Jippreżenta l-Proposti Tiegħu għar-Roti u l-Mobbiltà Alternattiva fil-Lokalitajiet Tagħna

Il-Partit Popolari jiddeplora l-qagħda preżenti tat-trasport f’pajjiżna, li qiegħda taffettwa ħażin il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u r-residenti. Minbarra ż-żieda qawwija u artifiċjali fil-popolazzjoni matul l-aħħar għaxar snin, li strapazzat l-infrastruttura kollha ta’ pajjiżna, mhux l-anqas dik tat-trasport, sors ieħor tal-problema hija n-nuqqas ta’ ppjanar sabiex ikun possibbli li tgħix f’pajjiżna mingħajr ma tuża l-ħin kollu l-karozza.

Il-Partit Popolari jinnota wkoll li f’pajjiżna qiegħda titfaċċa l-problema ta’ ‘transport poverty’, fejn xi wħud qegħdin ikollhom jerfgħu piż finanzjarju insostenibbli sempliċiment biex jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom u jagħmlu l-ivvjaġġar meħtieġ. Il-fatt li bilfors irid ikollhom karozza joħloq spejjeż li jistgħu jiġu evitati li kieku l-pajjiż kellu ppjanar aħjar.

Il-Partit Popolari jemmen li, bid-distanzi qosra ta’ Malta, u bid-disponibilità ta’ roti elettriċi, ir-rota llum jista’ jkollha rwol ewlieni f’sistema tat-trasport ġdida, filwaqt li llum tirrappreżenta biss perċentwal żgħir ħafna mill-vjaġġi li jsiru f’pajjiżna.

Il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll biex il-karozzi tal-linja jibdew jaċċettaw ukoll ir-roti, bħalma hu l-każ f’pajjiżi oħra. B’hekk tiżdied il-flessibbiltà għal dawk li jkunu jridu jivvjaġġaw minn post għal ieħor mingħajr il-karozza.

Il-Partit Popolari jemmen li ż-żona urbana ta’ Malta li tinsab madwar il-Belt Valletta u li fiha jgħixu aktar minn kwart ta’ miljun persuna għandha tiġi ttrattata bħala belt waħda għall-finijiet tat-trasport, u għandu jkun possibbli li wieħed jgħix u jaqdi l-bżonnijiet kollha tal-ħajja moderna fiha mingħajr l-użu tal-karozza. Dan huwa l-każ tista’ tgħid fl-ibliet kollha ta’ daqs simili fl-Ewropa u huwa biss f’Malta li qegħdin inbatu l-iżvantaġġi kollha tal-urbanizzazzjoni u d-densità mingħajr ma ngawdu xejn mill-vantaġġi. Nemmnu li fiż-żona urbana, minbarra fit-toroq l-aktar ewlenin, għandu jkun hemm limiti tal-veloċità għall-karozzi li huma ppruvati li jippermettu li t-triq tintuża b’mod sikur ukoll mir-roti. Għandu jkun hemm ukoll l-infrastruttura normali li tinstab fl-ibliet Ewropej, bħal network ta’ roti elettriċi għall-kiri. Dan flimkien ma’ sistema tat-trasport pubbliku li tkun addattata għal belt, u separata minn dik nazzjonali.

Fit-toroq ta’ konnessjoni bejn bliet u rħula, kif ukoll f’toroq traffikużi oħra, il-Partit Popolari jemmen li għandu jsir sforz biex jinbnew bicycle lanes sikuri li huma fiżikament separati mit-triq. Dan jista’ jsir permezz ta’ ‘road diet’, fejn jitnaqqsu lanes żejda jew jiddejqu lanes li huma wiesa’ bla bżonn. Is-sistema ta’ bicycle lanes li għandna bħalissa hija sporadika u inkonsistenti, u ma jidher li hemm l-ebda strateġija li qiegħda tiġi applikata għall-pajjiż kollu.

Il-Partit Popolari jemmen ukoll li għandu jiġi introdott il-kunċett ta’ ‘presumed liability’, jiġifieri li f’inċident bejn karozza u persuna fuq rota jew li tkun miexja, ikun hemm il-preżunzjoni li t-tort huwa tal-karozza. Dan iwassal biex ikun hemm attenzjoni speċjali min-naħa tas-sewwieqa tal-karozzi biex jiġu evitati l-inċidenti.

Qegħdin nipproponu wkoll li bħalma l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa tistabbilixxi minimu ta’ garaxxijiet jew spazji ta’ parkeġġ għall-binjiet residenzjali ġodda, għandha tistabbilixxi minimu wkoll ta’ postijiet ta’ parkeġġ għar-roti.

Minbarra dawn l-għażliet infrastrutturali u regolamentari, nemmnu li għandu jkun hemm sforz ġenwin fis-sistema edukattiva u lil hinn biex titrawwem bicycle culture f’Malta. Għandhom isiru wkoll il-bidliet meħtieġa fil-politika tal-ippjanar, biex l-iżvilupp ġdid kollu f’Malta jkun mibni madwar il-kunċett li wieħed m’għandux għalfejn bilfors ikollu juża l-ħin kollu l-karozza, u b’mod partikolari li jiġi limitat l-iżvilupp f’żoni ’l barra miż-żona urbana. Dan mingħajr b’xi mod ma ssir gwerra fuq il-karozza, li wkoll għandha tingħata infrastruttura aħjar, fosthom parkeġġi taħt l-art f’lokalitajiet imdaqqsa u limiti tal-veloċità ogħla f’toroq ewlenin li jifilħuhom u fejn ikun hemm separazzjoni fiżika minn utenti oħra tat-triq, bħar-roti.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Partit Popolari jsellem lill-gruppi ta’ voluntiera li, fi spirtu ċiviku, qegħdin jippromwovu l-użu tar-rota f’pajjiżna u jwettqu inizjattivi siewja bħall-bicycle bus u attivitajiet oħra ta’ difiża taċ-ċiklisti u ta’ edukazzjoni tal-pubbliku. Il-Partit Popolari jħeġġiġhom biex ikomplu bil-ħidma siewja tagħhom fl-interess ta’ kwalità tal-ħajja aħjar f’pajjiżna.

Follow by Email
Facebook
Twitter