Stqarrija 11-2024

30/03/2024

Il-Partit Popolari Jfakkar it-Tluq tal-Forzi Ingliżi minn Malta u Jsejjaħ għal Politika Responsabbli dwar is-Sigurtà

Il-Partit Popolari jfakkar il-45 sena mit-tluq tal-forzi Ingliżi minn Malta u tat-teħid tar-responsabbiltà min-naħa tal-forzi armati Maltin għad-difiża ta’ pajjiżna.

F’dawn il-ġranet fejn l-Unjoni Ewropea qiegħda tingħata rwol ġdid fil-produzzjoni tat-tagħmir tad-difiża u fejn qegħdin narawha tinvolvi ruħha f’kunflitti madwarha jew fuq il-fruntieri tagħha, il-Partit Popolari jtenni l-pożizzjoni tiegħu favur il-ħtieġa li Malta stess tkun kapaċi tieħu ħsieb id-difiża tagħha stess safejn hu possibbli, sabiex niggarantixxu l-indipendenza tagħna u wkoll sabiex inkunu nistgħu nkomplu ngawdu livell għoli ta’ sigurtà wkoll jekk l-Istati Uniti tirtira mill-Ewropa u mill-Mediterran fis-snin li ġejjin.

Filwaqt li l-Partit Popolari ma jopponi bl-ebda mod il-produzzjoni u l-akkwist komuni fl-Unjoni Ewropea tal-materjal tad-difiża, huwa jinsisti li l-Unjoni Ewropea m’għandu jkollha l-ebda rwol jew kapaċità militari tagħha stess u li dawn għandhom jibqgħu kompletament f’idejn l-istati membri. Fl-istess waqt jemmen ukoll li ż-żmien li l-Ewropa tkun dipendenti fuq l-Istati Uniti għas-sigurtà tagħha jenħtieġ li jispiċċa u għalhekk huwa importanti li l-istati membri, mhux l-anqas Malta stess, jagħmlu l-investiment meħtieġ fil-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom.

Il-Partit Popolari jfakkar ukoll fl-istatus ta’ Malta bħala pajjiż newtrali u jsejjaħ biex dan jiġi rifless ukoll fil-vot ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet li jirrigwardaw gwerer u kunflitti bejn pajjiżi terzi. Il-Partit Popolari jemmen li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri bħalissa, f’voti bħal dawn għandha tiġi segwita politika stretta ta’ astensjoni, kif ukoll tal-evitar assolut ta’ kull involviment dirett ta’ Malta fl-azzjonijiet li jiġu deċiżi u li mhumiex kompatibbli man-newtralità.

Follow by Email
Facebook
Twitter